Internazzjonali

Qatar: Daqshekk immunità legali għal żewġ MEPs fil-każ tax-xiri tal-influwenza

Tneħħiet l-immunità għal żewġ deputati (MEPs) tal-Parlament Ewropew wara t-talba tal-awtoritajiet Belġjani li qed jinvestigaw l-iskandlu tal-korruzzjoni — magħruf bħala Qatargate — li heżżeż lil dan il-Parlament. Dan kien ikkonfermat ilbieraħ permezz ta’ vot mid-deputati waqt sessjoni plenarja tal-Assemblea fi Brussell.

L-MEP Taljan, Andrea Cozzolino u l-Belġjan, Marc Tarabella, qegħdin jiċħdu li aġixxew b’mod illegali jew kriminali fil-każ ta’ Qatargate, li d-dettalji tiegħu għadhom qed joħorġu, L-iskandlu jikkonċerna lill-MEP Soċjalista Griega,  Eva Kaili u tliet suspettati oħra li kienu arrestati fuq suspett ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Kaili u s-suspettati l-oħra ssemmew għal kompliċità f’attentati ta’ tixħim biex huma jiffavorixxu lill-Qatar fid-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan ukoll meta wieħed mis-suspettati qabel li jikxef kollox dwar il-każ bħala parti mill-ftehim mal-prosekuturi.

Hu allegat li  Pier Antonio Panzeri kien mexxa network li aċċetta t-tixħim mingħand il-Qatar u l-Marokk biex jinfluwenza lill-Assemblea Ewropea. Intant, il-pulizija elevat €1.5 miljuni fi flus kontanti waqt ir-rejds fi Brussell u bnadi oħra.

Il-Qatar u l-Marokk qed jiċħdu l-allegazzjonijiet dwar ix-xiri tal-influwenza, iżda l-prosekuturi qalu li Panzeri ammetta dwar ‘responsabbiltà kriminali’.

Ir-residenza ta’ Marc Tarabella, ix-xahar li għadda, kienet suġġetta għal rejd mill-Pulizija Belġjana u fi żmien meta l-erba’ suspettati kienu nżammu taħt arrest. Il-prosekuturi, imbagħad, talbu biex il-Parlament ineħħi l-immunità mill-prosekuzzjoni għall-istess Tarabella u kif ukoll għal  Cozzolino.

Marc Tarabella kien preżenti għall-vot speċifiku fi Brussell u wara hu informa lill-istampa li kien ivvota għat-tneħħija tal-immunità ‘għaliex hu xtaq li jitkellem mal-Imħallef inkwerenti u mal-investigaturi’.