Ambjent Lokali

Razzett tan-nagħaġ finta fil-Bidnija – numru ta’ għaqdiet iressqu azzjoni kollettiva biex jiġi revokat il-permess

L-Awtorita' tal-Ippjanar

Sitt għaqdiet u iktar minn 100 individwu ressqu azzjoni kollettiva biex jiġi revokat il-permess għall-bini tal-famuż “razzett tan-nagħaġ” f’dak li qabel kien wied mhux mittiefes magħruf bħala tal-Ħżejjen fil-Bidnija.

Din l-azzjoni saret possibbli bis-saħħa tal-ħafna kontribuzzjonijiet li ta l-pubbliku b’risposta għall-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li għamel il-Moviment Graffitti, fejn is-somma meħtieġa biex jittieħdu passi legali kontra din il-ħniżrija nġabret fi ftit jiem.

Fi stqarrija ntqal li minn mindu ġiet approvata l-ewwel applikazzjoni tal-ippjanar (PA/07946/18) fuq dan is-sit, fl-2019, bosta għaqdiet ambjentali, mezzi tax-xandir u l-pubbliku, ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li bdiet tinbena struttura massiva f’nofs żona kompletament rurali u ODŻ li tiġbor fiha wkoll ħabitats tal-ilma ħelu ta’ valur ekoloġiku kbir. Ħafna baqgħu skantati kif struttura, li tikkonsisti f’żewġ sulari, f’partijiet miftuħa fejn jistgħu jintlaqgħu n-nies u pixxina fuq il-bejt, ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar bl-iskuża li hija razzett tan-nagħaġ.

L-istqarrija kompliet li dan il-permess inħareġ bil-qerq u l-gideb. L-uffiċjal tal-PA li evalwa l-każ bl-iktar mod konvenjenti ma semmiex dawk il-politiki li jiddikjaraw b’mod ċar ħafna li f’dawn l-inħawi sensittivi ma jistax iseħħ żvilupp. Hemm affarijiet oħra li tħallew barra u diskrepanzi suspettużi li huma evidenti meta ngħata l-permess għal dan l-iżvilupp.

“Dan mhux razzett tan-nagħaġ ġenwin imma proġett finta li minfloku se tinbena lukanda kummerċjali f’wied protett, kif uriet l-applikazzjoni ta’ wara (PA/5895/22) li tablet biex din l-istruttura tiġi mibdula f’post kummerċjali bil-kmamar għall-viżitaturi”

Issa diversi għaqdiet u ħafna persuni ngħaqdu flimkien biex iressqu talba għar-revoka ta’ dan il-permess oxxen. M’aħniex se noqogħdu kwieti waqt li l-PA tkompli titratta lill-pubbliku bi stmerrija u tħalli l-ambjent naturali jkompli jinqered.