Lokali Qorti

Sena ħabs għax saq karozza bla pjanċi meta suppost kien ġewwa fuq ordni tal-Qorti

George Galea ta’ 52 sena minn Raħal Ġdid ġie kundannat sena ħabs wara li nstab ħati li f’Novembru li għadda kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti billi saq karozza bla pjanċi f’nofs ta’ lejl f’Ħaż-Żebbuġ waqt li suppost kien qiegħed ġewwa. L-Ispettur Lydon Zammit xehed illi bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru, jiġifieri bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, proprjament il-Ħamis għall-ħabta tas-1:00a.m., kienet seħħet serqa minn ġewwa uffiċini li jinsabu Ħ’Attard.

Fiha nsterqu ammont ta’ ġojjellerija, madwar €150,000, mill-istabbiliment Diamonds & More f’Ħ’Attard. Galea kien inqabad isuq bla pjanċi għall-ħabta tas-2.15am fi Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ minn żewġ Kuntistabbli li kienu fuq ronda.

Il-karozza, ġibdet l-attenzjoni-Pulizija għax kienet qed tinstaq bla pjanċi mumenti wara s-serqa fl-istess inħawi. il-Pulizija kienu qed jinvestigaw dak il-każ meta xi ħin wara, għall-ħabta ta’ xis-2:15a.m., il-Pulizija waqt li kienu fuq ronda żewġ kuntistabbli, nnotaw żewġ persuni li kienu qed jagħmlu użu minn vettura li ma kellhiex number plates fuqha la quddiem u lanqas wara.

B’hekk qam is-suspett, aktar u aktar għax wara nofs ta’ lejl meta kienet għadha kif seħħet serqa fl-istess inħawi, qam
is-suspett li seta’ jkollhom xi involviment f’din is-serqa. Għalhekk ġew imwaqqfa min-naħa tal-Pulizija fejn ġew identifikati li ż-żewġ persuni kienu Keith Testa u l-imputat George Galea.

L-Ispettur Zammit qal li dawn ġew infurmati li kienu qed jiġu imwaqqfa. George Galea kellu wieħed mill-bail conditions li ngħataw f’kawża li huwa wkoll qiegħed uffiċjal Prosekutur u flimkien għandu kawżi oħra, għandu bail conditions oħra separati mill-proċeduri li għandu miegħu.

Wara li kien infurmat li mhumiex involuti fis-serqa ta’ ġojjellerija għall-ħabta tas-2:30am. huma ġew infurmati li rigward is-serqa mhux se jibqgħu jinżammu, jibqgħu jinżammu rigward il-ksur tal-bail conditions. Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, l-Ispetturi Prosekuturi Lydon Zammit u Stephen Gulia xlew lil Galea wkoll li bir-reat li wettaq irrenda ruħu riċediv. Madankollu, huwa ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża.

Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Maġistrat skwalifikat lil Galea milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal sena, u ordnat il-konfiska ta’ €10,000 mill-garanzija personali mħallsa mill-akkużat b’rabta mal-ħelsien mill-arrest li kien ingħata. L-Ispettur Stephen Gulia investiga l-każ flimkien ma’ l-Ispettur Lydon Zammit.