Atletika Sport

Xalata ta’ rekords għall-atleti ta’ Rush AC f’esperjenza memorabbli f’Londra

Esperjenza li żgur ma jinsew qatt għall-atleti ta’ Rush AC fil-London Indoor Games fejn mhux biss kisbu serje ta’ prestazzjonijiet pożittivi li jawguraw tajjeb għal futur tagħhom iżda taw rappreżentanza denja għall-pajjiiżna fil-kapitali Ingliża fejn waqqfu għadd ta’ rekords nazzjonali fil-kategoriji differenti.

Fost l-aqwa riżultati miksuba, Isaac Bonnici kellu prestazzjoni li tat xhieda tal-iżvilupp impressjonanti tiegħu meta tejjeb ir-rekord nazzjonali indoor tat-800m U18 b’ħin ta’ 2:01.61.

Bianca Shoemake kkonfermat it-talent tagħha meta minkejja l-età żagħżugħa tagħha kisret ir-rekord ta’ taħt is-16 u t-18-il sena fis-60m hurdles b’ġirja ta’ 9.76s u oħra ta’ 9.63s fit-tieni rawnd. Thea Parnis Coleiro ugwaljat rekord indoor ieħor li kien ilu jirreżisti għal għadd ta’ snin fil-kategorija U16, b’ġirja fantastika fis-60m, fejn temmen f’ħin ta’ 7.91s. Hija stabbiliet ukoll rekord fil-200m indoor b’ħin ta’ 25.70s (rekord preċedenti kien 26.86s). Fiż-żewġ każijiet, ir-rekords kienu preċedentement f’idejn Alessia Cristina.

Fl-avvenimenti tat-tfigħ, Luca Gerada kiser ir-rekord tax-shotput indoor U16 b’aktar minn metru, minn 11.77m għal 13.14m. Fl-istess dixxiplina, rekord ukoll għal Andre Gauci fost l-Under 14s.

Prestazzjonijiet inkoraġġanti oħra inkludew dik ta’ Viola Pizzolato b’8.44s fis-60m fl-U14 u Nathan Myers li fuq l-istess distanza ġera 7.33s mal-Under 18. Referenza speċjali mistħoqqa tmur ċertament għal Leah Frendo, fejn fl-età ta’ 10 snin kienet kapaċi tiġri 8.91s fis-60m u 30.49s fuq 200m.

Id-delegazzjoni kienet tinkludi wkoll lil Giacomo Portelli, Kay Leigh Anne Ellul, Yuliya Barbara, Nathan George Bonello u Andre Gauci li kollha kellhom prestazzjonijiet tajbin u kisbu personal bests barra milli kisbu esperjenza li tiswa mitqlu deheb meta kkompetew fost atleti ta’ livell internazzjonali għoli.

Id-delegazzjoni ta’ Rush AC tmexxiet mill-kowċis Antonella u Rachid Chouhal, b’dan tal-aħħar ikollu l-opportunità li jtellaq hu wkoll fil-kategorija Masters, b’ħin ta’ 7.45s fuq is-60m.