Lokali

Arrestati żewġt irġiel li nqabdu jisirqu f’Ħaż-Żabbar

Il-Ġimgħa, għal ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li x’aktarx kienet qiegħda ssir serqa f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Patri Feliċjan Grech, Ħaż-Żabbar.

Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija fejn bdew jinstemgħu xi ħsejjes u anke nnutaw movimenti suspettużi.  Għaldaqstant, il-Pulizija daħlu ġewwa u waqt li nnutaw numru ta’ bibien sgassati, bdiet tfittxija f’kull sular. Malli waslu fis-sular ta’ fuq, il-Pulizija sabet raġel jistaħba wara bieb u ġie arrestat. Minħabba suspett li kien hemm iżjed nies ġewwa, il-Pulizija kompliet bit-tfixxijiet u f’parti oħra tal-istess binja, ġiet arrestata t-tieni persuna, li nstabet tistaħba taħt xi plastik.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel kienu qegħdin jagħmlu użu minn vettura, li nstabet pparkjata fi Triq il-Berebis u li minnha ġew elevati diversi għodda, wires u extensions. Il-Pulizija wettqet ukoll tfittxijiet fir-residenzi taż-żewġ arrestati u hemmhekk instabu diversi oġġetti oħra, fosthom chaser, ammont kbir ta’għodda u wires.

L-arrestati, żewġt irġiel ta’ 51 u 46 sena t-tnejn residenti Birżebbuġa, ittieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għall-aktar investigazzjonijiet.