Knisja Lokali

Delegazzjoni Maltija u Għawdxija tieħu sehem fl-Assemblea Kontinentali Ewropea tas-Sinodu

L-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi delegazzjoni Maltija u Għawdxija fl-Assemblea Kontinentali Ewropea tas-Sinodu fil-jiem li ġejjin fejn 200 parteċipant se jiltaqgħu fi Praga, fir-Repubblika Ċeka, biex jiddiskutu s-sinodalità.

L-Arċisqof, li hu l-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, se jkun akkumpanjat minn Sor Natalie Abela soc, Dun Daniel Sultana u Francesco Pio Attard. Se jkun hemm ukoll 10 persuni oħra minn Malta u Għawdex li se jieħdu sehem online matul il-konferenza.

Id-delegazzjoni għal Malta ħadmet fuq il-kummenti li rċeviet għad-dokument ‘Enlarge the Space of your Tent’ li kien miftuħ għall-pubbliku sat-30 ta’ Jannar. Wara li evalwat xi ntqal, id-delegazzjoni ppreparat il-kontribut li se tippreżenta fl-Assemblea Kontinentali.

L-għan tal-Assemblea huwa li jsaħħaħ is-sens ta’ komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni fil-Knisja billi jifhem l-isfidi u l-opportunitajiet li jikkaratterizzaw il-kuntest Ewropew.

Din l-Assemblea hi organizzata mill-Kunsill għall-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) b’kollaborazzjoni mal-Konferenza Episkopali Ċeka u l-Arċidjoċesi ta’ Praga u se ssir bejn il-5 u t-12 ta’ Frar 2023. Matulha se jsiru working groups mal-200 parteċipant li se jkunu Praga kif ukoll mat-390 parteċipant li se jieħdu sehem online biex jirriflettu flimkien dwar is-sinodu fil-kuntest Ewropew kif ukoll jaraw x’inhuma l-isfidi tiegħu.

L-Assemblea se tkun maqsuma fi tnejn. Fl-ewwel parti se taħdem ma’ rappreżentazzjoni wiesgħa tal-Knisja, fil-fatt id-delegazzjonijiet se jkunu magħmula minn lajċi, reliġjużi u saċerdoti djoċesani. Fl-aħħar tlitt ijiem l-isqfijiet se jaħdmu fuq ir-rakkommandazzjonijiet li jkunu ħarġu waqt din l-assemblea biex dawn jingħaddew lis-Segreterija Ġenerali għas-Sinodu tal-Isqfijiet responsabbli mis-sinodu.

Dan huwa parti minn proċess li għaddej fil-Knisja fil-kontinenti differenti li jilħaq il-milja tiegħu fil-laqgħa tal-isqfjijiet mal-Papa Franġisku f’Ottubru 2023.