Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Approvati aktar tankijiet waqt is-summit tal-UE fi Kiev

Il-Gvern tal-Ġermanja approva t-trasferiment ta’ 88 tank tal-gwerra tat-tip ‘Leopard 2’ lill-Ukrajna, bl-aħbar tingħata f’ħin meta l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien qed ilaqqa’ summit sinifikanti għall-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Kiev.

It-tankijiet tal-gwerra – li kienu s-suġġett għal kontroversja kbira qabel ittieħdet id-deċiżjoni biex jintbagħtu lill-Ukreni – mistennija jaslu fl-Ukrajna matul il-jiem li ġejjin; l-istess bħal 14-il mudelli aktar avvanzati tal-‘Leopard 2’ li l-Ġermanja kienet wiegħdet lill-Ukrajna ġimgħat ilu.

Sadanittant, is-summit tal-Unjoni Ewropea hu l-ewwel wieħed bis-sehem tal-Ukrajna mindu l-qawwiet tar-Russja invadew it-territorju Ukren fl-24 ta’ Frar li għadda — u anki l-ewwel summit mindu l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat għal sħubija,

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Unjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, huma fost ir-Rappreżentanti distinti preżent fi Kiev.

Dan meta fl-aħħar sigħat tħabbar li l-missjoni ‘Ewropea’ għat-taħriġ tas-suldati Ukreni għandha tiżdied biex tinkludi mat-30,000 militar. Fl-istess ħin, hemm impenjati mal-25 miljun ewro għall-missjoni biex jitneħħew il-landmines mill-artijiet tal-Ukrajna li spiċċaw illiberati mill-qawwiet tar-Russja.

Madankollu, l-uffiċjali tal-UE għadhom qed iwissu li jrid isir ħafna xogħol sakemm l-Ukrajna tkun lesta biex tissieħeb mal-grupp tal-Istati Ewropej – għalkemm hemm kull possibbiltà li l-Gvern ta’ Zelensky, ‘il quddiem, ikun offrut l-aċċessi aħjar għas-swieq tal-Unjoni.