Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li hedded lill-eks sieħba tiegħu fil-karozza

Xufier ta’ taxi ta’ 27 sena ma ngħatax il-pleġġ mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ġie mixli li għal diversi drabi hedded lill-eks sieħba tiegħu waqt li kienet riekba miegħu fil-karozza. Fil-Qorti ħareġ li r-raġel residenti n-Naxxar, u li ismu mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-allegata vittma kien qed isuq b’veloċità eċċessiva u meta t-tfajla pprovat twaqqfu qalilha; ‘jekk tiftaħ il-bieba niksirlek subgħajk u nsuq minn fuqek” allegatament qal l-akkużat lit-tfajla.

Huwa ġie mixli li li fl-14 u l-15 ta’ Jannar li għadda ssekwestra lit-tfajla kontra l-volontà tagħha u li huwa allegatament reġa’ wettaq dan ir-reat nhar l-Erbgħa. Kien wara dan l-inċident li t-tfajla għamlet rapport fuq vjolenza domestika. Ix-xufier ġie mixli wkoll li kkaġuna lill-eks tfajla tiegħu biża li se tintuża vjolenza kontra tagħha u li f’Jannar f’diversi ħinijiet fix-Xgħajra heddidha u nġurjaha fejn ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Akkużi oħri kienu jinkludu li hedded lill-eks tfajla tiegħu permezz tal-mobile u li għamel użu mhux xieraq minn apparat ta’ kommunikazzjoni elettroniku u li saq karozza Toyota Praoce b’manjera traskurata u perikoluża. Ir-raġel li qed jiffaċċa 10 akkużi ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja fejn kien ordnat li jkun id-dar sal-11pm u nqabad barra wara nofs il-lejl.

Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv bil-Qorti tilqa’ t-talba tal-Proskuzzjoni ta’ ordni ta’ protezzjoni u dan sabiex tipprovdi għas-sigurtà tat-tfajla.  L-avukat Martha Mifsud li deheret għall-akkużat għamlet talba għall-pleġġ, liema talba sabet oġġezzjoni minn naħa ta’ l-Ispettur Audrey Micallef minħabba l-gravità tar-reat.

L-Avukat Mifsud qalet li fuq l-każijiet kollha li qed jiffaċċa hu għadu preżunt innoċenti u li l-ħelsien mill-arrest huwa dritt sagrosant. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat mhux affidabbli u hemm il-biża ta’ intraċċ tra’ provi. Il-Qorti f’dan l-istadju ċaħdet it-talba bir-raġel jinżamm arrestat.