Internazzjonali

L-Ingilterra: L-ewwel kundanna għal tradiment lill-pajjiż mill-1981

Ir-raġel li, f’jum il-Milied tal-2021, kien mar fl-inħawi tal-Kastell ta’ Windsor ‘bil-ħsieb li joqtol lir-Reġina Eliżabetta’ ammetta l-ħtija għal din l-akkuża miġjuba kontra tiegħu taħt l-hekk-imsejjaħ Treason Act tar-Renju Unit.

L-imputat,  Jaswant Singh Chail, residenti ta’ Hampshire, kien instab fil-pussess ta’ crossbow fil-ħin  tal-arrest u fi żmien meta r-Reġina kienet qed tgħix f’Windsor minħabba l-pandemija tal-Covid.

Meta tressaq quddiem l-Old Bailey – il-Qorti Ċentrali Kriminali ta’ Londra —  Chail, li għandu 21 sena, ammetta li kien ħati b’konnessjoni ma’ tliet reati speċifiċi. Dan meta hu sar l-ewwel residenti fir-Renju Unit li spiċċa kundannat dwar tradiment lil pajjiżu mill-1981.

L-imputat ammetta wkoll dwar ‘it-theddid biex joqtol lir-Reġina’ u li hu kellu f’idejh arma ‘lesta għar-reat’ waqt li fl-artijiet tal-Kastell.

Is-sentenza ta’ Chail għandha tkun ikkonfermata mill-Old Bailey fil-31 ta’ Marzu li ġej.