Lokali

L-Innu Malti indaqq għall-ewwel darba 100 sena ilu

Eżatt bħallum 100 sena ilu kien indaqq għall-ewwel darba l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna.

Skont riċerka li għamel l-eks editur Joe Zahra, kien fit-3 ta’ Frar 1923 – bħal-lum 100 sena ilu – meta l-Innu Malti indaqq għall-ewwel darba wara li fl-1921 Malta kienet ingħatat il-kostituzzjoni.

Il-kitba u l-analiżi ta’ Joe Zahra:

Flimkien mal-iżvilupp kostituzzjonali, Malta sabet espressjoni tal-libertajiet kostituzzjonali ġodda tagħha f’dak li wara sar l-innu nazzjonali ta’ pajjiżna.

Il-mużika għal dan il-innu nkitbet minn Robert Sammut. Dun Karm Psaila, poeta magħruf Malti, kiteb il-lirika bħala innu għall-iskejjel. Waqt li kien qed jikteb il-lirika Dun Karm ġietu l-idea li jikteb innu għal Malta f’forma ta’ talba lil Alla.

Dun Karm ried jagħlaq id-differenzi bejn il-partiti politiċi u jgħaqqad lil kulħadd bl-irbit qawwi tar-Reliġjon u l-Patrijottiżmu.

Meta ġiet abbozzata l-Kostituzzjoni tal-Indipendenza, u approvata f’referendum, fl-ewwel Kapitlu nsibu li l-Innu Nazzjonali ta’ Malta hu dak li jibda bil-kliem: “Lil din l-art ħelwa l-Omm li tatna isimha”.