Internazzjonali

L-Irlanda: ‘Minn Sex Pistol għall-Eurovision…’ Lejn triq mużikali ġdida għal ‘Jonny Rotten’?

Il-kantant John Lydon – magħruf aħjar bħala Jonny Rotten tal-grupp tas-snin sebgħin Sex Pistols u li ismu jibqa’ sinonimu mal-Punk Rock – qed jittama li jintgħażel bħala r-rappreżentant tal-Irlanda fil-konkors li jmiss tal-Eurovision li għandu jsir f’Mejju, fil-belt ta’ Liverpool. Dan meta r-rappreżentant irid jintgħażel minn fost sitt kompetituri li l-lejla jieħdu sehem fi programm speċjali ta’ The Late, Late Show tal-Istazzjon RTE.

Lydon, li kiseb fama bħala mużiċista li kien iwassal il-messaġġi kontra l-establishment u favur l-anarkija, qed jikkompeti flimkien mal-grupp tiegħu Public Image Ltd.

U l-eks- kantant tal-punk, waqt intervista, qal li meta kien żgħir kien isegwi l-Eurovision mal-ġenituri tiegħu u li hu jiftakar l-interpretazzjonijiet ta’ kantanti bħal Johnny Logan, Cliff Richard u Sandy Shaw. Minkejja li hu Ingliż, Lydon qal li għażel biex jikkompeti fil-Eurovision għall-Irlanda għaliex ‘iħossu Irlandiż daqs ħaddieħor’.

Il-kanzunetta potenzjali għall-Eurovision ta’ Lydon u Public Image jisimha Hawaii u li hu ddedikaha lill-mara tiegħu Nora li tbati mill-marda Alzheimer’s. Lydon, intant, esprima tama li din il-kanzunetta tkompli żżid l-għarfien tal-pubbliku għal marda li taffettwa lil ħafna nies.