Internazzjonali

L-Istati Uniti: Tħassib dwar bużżieqa enormi li kapaċi qed tintuża miċ-Ċina għal skopijiet ta’ spjunaġġ

L-Istati Uniti tinsab inkwetata dwar bużżieqa kbira li tista’ qed tintuża miċ-Ċina għal missjoni ta’ sorveljanza u li fl-aħħar ġranet kienet qed ittir minfuq is-siti sensittivi għall-Amerikani. Intant, ma kienx hemm xi theddida partikulari għall-avvjazzjoni ċivili peress li l-bużżieqa dehret qed ittir aktar fil-għoli mir-rotot tal-ajru għall-ajruplani domestiċi.

L-Uffiċjali Amerikani għad-Difiża huma fiduċjużi li l-bużżieqa – li kapaċi ttir fil-għoli ħafna – ‘qed taqdi l-iskopijiet sigrieti ta’ Beijing’, bl-aħħar dehra ta’ din il-bużżieqa tkun irrappurtata mill-inħawi ta’ Montana.

Dan meta l-militar tal-Istati Uniti ngħata direttivi biex ma jisparax għall-bużżieqa minħabba l-possibbiltà li l-fdalijiet tiegħu i jinżlu direttament għal fuq iz-zoni residenzjali.

Is-Senatur Marco Rubio, ir-Rappreżentant ewlieni tar-Repubblikani fuq is-Senate Intelligence Committee ta’ Washington ikkundanna bis-sħiħ l-allegatament aġir taċ-Ċina u sostna li l-Gvern komunista f’Beijing, f’dawn is-snin, żied ‘bl-aktar mod sfaċċat u intensiv’ il-livell tal-ispjunaġġ fuq l-Istati Uniti

Dan meta l-ogħla awtoritajiet fl-Istati Uniti kienu qed jiltaqgħu biex jaraw l-aħjar mod kif huma jindirizzaw is-sitwazzjoni.

Intant, iċ-Ċina wissiet kontra l-ispekulazzjoni u għajdut ta’ bla bżonn qabel il-fatti jkunu verifikati.

Jidher li l-bużżieqa, jiem ilu, feġġet fuq il-Gżejjer Aleutian tal-Alaska u fejn kompliet tivvjaġġa minn fuq il-Kanada qabel dehret fuq il-belt ta’ Billings, f’Montana. Dan waqt li l-Gvern Amerikan poġġa numru ta’ fighter-jets fuq allert f’każ li kellu jiddeċiedi biex huma jwaqqgħu din il-bużżieqa.

Sadanittant, kienu għaddejjin il-laqgħat urġenti bejn l-ogħla mexxejja militari tal-Istati Uniti — fosthom is-Segretarju tad-Difiża, Lloyd Austin u ċ-Chairman tal-Joint Chiefs of Staff, il-Ġeneral Mark Milley.

Min-naħa tiegħu, William Burns, id-Direttur tal-aġenzija sigrieta (Amerikana) CIA, irrefera għaċ-Ċina bħala l-akbar sfida fuq livell ġeopolitiku li qed tiffaċċja l-Istati Uniti. Dan meta ż-żjara fiċ-Ċina li s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken għandu jagħmel il-ġimgħa d-dieħla mistennija ssir taħt tensjoni akbar mis-soltu.