Lokali

Madwar elf persuna f’pajjiżna ta’ kull sena titlef ħajjitha kaġun ta’ kanċer

“Madwar elf persuna f’pajjiżna, ta’ kull sena, titlef ħajjitha kaġun ta’ xi tip ta’ kanċer. Huwa għalhekk li se nkompli naħdem biex nassigura li jkollna l-aqwa kura possibbli biex insalvaw iktar persuni.”

Kien dan li qal l-President ta’ Malta, George Vella f’lejlet il-jum dinji tal-kanċer waqt konferenza li ttellgħet fil-Palazz Verdala waqt in-National Cancer Platform bit-tema ‘Uniting Our Voices And Taking Action’.

Il-President qal kif ta’ kull sena jgħinu madwar 2,500 persuna li jiżviluppalha xi tip ta’ kanċer. Fortunatament, grazzi għal kura li iktar ma jmur iktar qed tavvanza, il-pazjenti bil-kanċer qed jgħixu iktar minn qabel. Fil-fatt, madwar 50% ta’ dawk li jkollhom kanċer, wara 10 snin li jiżviluppa jkunu għadhom ħajjin.

Fost dawn il-pazjenti, fl-2022 kien hemm mad-19-il pazjent ġdid li kellhom taħt it-18-il sena, bi 13-il tifel u tifla kellhom isiefru barra minn xtutna għall-kura u terapija meħtieġa li pajjiżna m’għandux. Fortunatament, iktar minn 80% tal-pazjenti tfal jirnexxilhom jgħelbu kompletament il-marda tal-kanċer.

Ġie mfakkar kif mhux il-pazjenti biss ikunu għaddejjin mit-tbatija li jġib miegħu l-kanċer iżda anke l-qraba u ħbieb taħhom li jkunu qed iġorru effetti psikoloġiċi.

L-istess tbatija jarawha wkoll it-tobba u l-infermiera, mhux biss fejn jidħlu l-pazjenti iżda wkoll għall-fatt li l-infermiera qed jaqa’ ħafna xogħol fuqhom minħabba nuqqas ta’ staff. Fil-fatt, waħda mill-infermiera preżenti tkelmet dwar in-nuqqas kbir ta’ infermiera, bis-sala tagħha tikkonsisti biss minn terz tal-infermiera, jiġifieri hemm bżonn ta’ erba’ infermiera oħra. Hi appellat lill-awtoritajiet għall-bżonn ta’ investiment, mhux biss fil-kura, iżda wkoll fir-riżorsi umani.

Għal 18-il sena sħaħ, f’Malta kien hawn biss żewġ persuni li jispeċjalizzaw fil-kura pedjattrika. Fortunatament, sa tmiem din is-sena se jkun hemm żewġ persuni oħra li se jlestu l-istudju u l-prattika tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jibdew jaħdmu f’dan is-settur.

Preżenti kien hemm ukoll numru ta’ professuri li qalu kif ta’ kull ġimgħa jaraw madwar 20 każi ġodda ta’ trattament għall-kanċer, u 40 każi ta’ trattament li jkollhom jerġgħu jibdew hekk kif il-kanċer ma jkunx inqered bit-trattament ta’ qabel. Dan ifisser li b’kollox, ta’ kull ġimgħa jaraw madwar 60 każi ġodda fi bżonn ta’ trattament għal kontra xi tip ta’ kanċer.

Tabib partikolari rrimarka l-fatt li qed ikun hemm ħafna rapporti ta’ pazjenti li ma jistgħux jieħdu l-kura meħtieġa minħabba mediċini out-of-stock.

Tabib ieħor tkellem dwar nisa li joħorġilhom kanċer tas-sider meta jkunu tqal. Hu qal li kull każ irid jiġi diskuss skont diversi fatturi, b’uħud ikunu jistgħu jistennew perjodu qasir ta’ żmien sakemm l-omm twelled u l-kimoterapija tibda tingħata eżatti wara t-tqala, b’oħrajn ikunu jistgħu jieħdu t-trattament meħtieġ mingħajr ma ssir ħsara lit-tarbija fil-ġuf.

Il-Kelliem tal-PN għas-Saħħa, Stephen Spiteri appella lill-Gvern biex japplikka s-sistema proposta mill-PN dwar walk-in fejn jekk pazjenti bil-kanċer jinqalgħalhom xi ħaġa urġenti, dawn ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jistennew fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei qalb follol ta’ nies. Iżda minflok, dawn jevitaw ir-riskju ta’ infezzjonijiet u jingħataw minnufih l-attenzjoni meħtieġa.

Ta’ kull sena, bejn 60 u 80 familja jmorru barra minn pajjiżna biex jieħdu kura kontra l-kanċer, b’Puttinu Cares joffri 20 appartament biex dawn il-familji jkollhom fejn joqgħodu tul iż-żmien tal-kura.