Lokali Qorti

Mhux ħatja ta’ feriment gravi fuq l-eks sieħba tal-boyfriend tagħha f’Birżebbuġa

Mara ta’ 28 sena ma nstabitx ħatja mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li fid-29 ta’ Gunju 2019 għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu barra ħanut tax-xorb fil-Bajja s-Sabiħa, ġewwa Birżebbuġa kkagunat ferita ta’ natura gravi fuq mara oħra, li fil-passat kienet is-sieħba tal-boyfriend tagħha.

Mill-provi li ħarġu fil-Qorti l-allegata vittma, Annriette Falzon, kienet fis-sakra u bdiet tkellem ħażin lill-akkużata Sabrina Scerri u li kienet waqgħet ma’ l-art waqt li n-nisa kienu qed jargumentaw. Irriżulta ukoll l-parte civile ma kienet konsistenti xejn fix-xhieda li tat, tant li l-Qorti ordnat lill-Pulizija biex tieħu passi kriminali kontra Falzon fuq ġurament falz.

Konsentura oħra li skopriet il-Qorti kienet ukoll li fejn jidħol l-artiklu tal-liġi dwar feriti gravi, l-Avukat Ġenerali ma kkwotax dak korrett fejn jidħol dan il-każ. Skont it-tabib Isaac Balzan, li kien eżamina lil Annriette Falzon fil-5 ta’ Lulju 2019, sab li kellha tbenġila fuq il-warrani tan-naħa tax-xellug u xi grif fuq l-irkoppa tal-lemin, xi grif fuq il-wiċċ fosthom dawk serji fuq l-għajnejn u l-imnieħer. Kaġun ta’ dawn il-ġrieħi Falzon kellha tittieħed l-isptar Mater Dei.

L-espert tal-Qorti Dr Mario Scerri qal li minn dak li ra fejn allegatament Falzon qalgħet daqqa fuq wiċċha f’Birzebbuga hdejn l-Għassa tal-Pulizija rriżulta li kellha dik li tissejjaħ bifocal depressed fracture fl-inferior wall tal-orbit tax-xellug tal-għajn, u li din il-frattura hija ta’ natura gravi per durata.

Xhud importanti f’dan il-każ kien sid il-ħanut tax-xorb Charles Falzon li qal illi l-parte civile, Annriette Falzon kienet spiss tmur għandu fil-ħanut tax-xorb u tħallilu t-tifel hemmhekk u dakinhar għamlet l-istess fis-sagħtejn ta’ filgħodu u meta rat lill-imputata Sabrina Scerri hemmhekk għajjritha “qaħba” u mbuttatha. Qal li Sabrina mbuttatha lura u ħargu lil Annriette ’l barra. Meta ħarġuha barra, Falzon waqghet iżda wara marret tixrob fil- ħanut ta’ ħdejh.  

Inkontro-eżami x-xhud ikkonferma li l-parte civile ta’ sikwit kienet iġġiblu t-tifel tagħhom f’nofs ta’ lejl fil-ħanut tax-xorb meta din kienet tkun xurbana iżda normalment kienet taqtagħlu qalbu sabiex turilu t-tifel. Fil-fatt qal ix-xhud illi kien hemm għaddejjin serje ta’ medjazzjonijiet bejniethom fuq dan il-fatt.

Huwa għamel referenza għall-messaġġi elettroniċi minn Annriette fis-siegħa ta’ filgħodu li tgħidlu li kienet se jġġiblu t-tifel għaliex kellha tmur Brussels fuq xogħol u fejn hu kien qalilha biex iġġibu l-għada.  Huwa qal ukoll illi meta Annriette spiċċat mill-ħanut tax-xorb ta’ ħdejhom “reġgħet ġiet irrankata fil-hanut tiegħu u aggrediet lill-imputata.

Sabrina Scerri bdiet timbuttaha ’l barra u Annriette bdiet ittiha bil-konsegwenza li Annriette stess waqgħet taħt il-bankina. Kompla jgħid li Annriette bdiet tgħajjar lil Sabrina ‘qaħba’ u fil-pront Sabrina waddbet il-likwidu li kellha fit-tazza lejn wiċċ Annriette.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li bħala punt preliminari jingħad illi tqis id-depożizzjoni tal-parte civile Annriette Falzon bħala wahda mhux kredibbli u dan għaliex inkontroezami hija biddlet ħafna minn dak li kienet qalet fid-depożizzjoni oriġinali tagħha bil-ġurament fejn f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatt li hija qalet li kellha tmur Brussels u anke fuq affarijiet ohra bħal li fix-xhieda tagħha hi kienet qalet li kienet liebsa libsa twila, mentri fir-ritratt hija tidher b’libsa qasira.

Il-Qorti qalet ukoll li ħareġ ċar ukoll illi ma kinitx minnha dik il-parti tax-xhieda fejn hija kienet qalet illi t-tifel kien qed jibki għal missieru għaliex inkontroeżami ħareġ illi t-tifel kien ġo restorant ma’ ommu meta hija ddeċidiet li tieħu t-tifel għand missieru.

Punt ieħor li qajjmet il-Qorti kien li anke jekk il-ġrieħi tal-parte civile ġew ikklassifikati bħala gravi per durata, fl-Artikoli tal-Avukat Ġenerali tnizzel l-Artikolu 216(1)(b) li jghid: L-offiża fuq il-persuna hija gravi, u għaliha tingħata l-piena ta’ priġunerija minn sena sa seba’ snin – jekk iġġib mankament jew sfreġju fil-wiċċ, fil-għonq jew f’waħda mill-idejn tal-offiż;”

Dan l-Artikolu ma jgħoddx għal dan il-każ għaliex fl-ebda ħin l-espert ma kkonferma li kien hemm tali sfreġju u anke l-Qorti setgħet tikkonstata mir-ritratti esebiti mar-rapport tal-istess espert li viżwalment il-parte civile m’għandha xejn ġo wiċċha.

L-Artikolu li kellu jigi kkwotat mill-Avukat Ġenerali kellu jkun l-Artikolu 218(1)(a) li jghid; l-offiża gravi hija punibbli bil-priġunerija minn ħamsa sa 10 snin – jekk tikkaġuna debbulizza permanenti fis-saħħa jewfil-funzjoni ta’ xi  parti  tal-ġisem, jew iġġib difett permanenti f’parti tal-għamla tal-ġisem, jew, marda permanenti tal-moħħ;”

Il-Qorti qalet ukoll li jrid jingħad ukoll illi b’xi mod il-parte civile ġarrbet ġrieħi serji f’għajnejha iżda l-anqas hawn ma seta’ jiġi kkonstatat oltre’ d-dubju dettat mil-liġi kif ġraw verament il-fatti u minn effettivament ikkaġunalha l-ferita t’għajnejha u dan prinċiparjament minħabba l-fatt illi d-depozizzjoni tal-parte civile ma għandha xejn mis-sewwa.

Rigward l-akkuża tal-ksur tal-paċi pubblika ma nġabet l-ebda prova dwar jekk il-pubbliku inġenerali kienx mahsud b’dan l-argument u għalhekk ma tistax issib ħtija. Illi ghal dawn il-motivi il-Maġistrat Stafrace Zammit ma sabitx lil Sabrina Scerri hatja tal-akkużi kif dedotti kontriha u u għalhekk illiberata minnhom peress li ma ġewx ippruvati. Inoltre’ il-Qorti ordnat li jittieħdu passi kriminali kontra l-istess Annriette Falzon fuq spergur. Għal Sabrina Scerri deher l-Avukat Joe Giglio filwqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Trevor Micallef.