Lokali

“Qalbi maqsuma f’miljun biċċa” – omm Jean Paul

Wara l-kollass tal-bini illi ħasad il-ħajja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda… omm iż-żagħżugħ qed titlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru, u stqarret kif għadha tħossha qalbha maqsuma.

Isabelle Bonnici – omm Jean Paul – qed titlob laqgħa privata ma’ Robert Abela minħabba d-diversi domandi li qed iqumu. Fosthom, għaliex sa issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti.

S’issa, ghadu mhux car x’kienet it-twegiba ta’ Robert Abela għal din it-talba.

Il-Ġimgħa, Net News żar iz-zona fejn kien waqa’ il-bini li ħasad il-ħajja ta’ Jean Paul, fejn il-post ghadu qed jinżamm magħluq – mgħasses mill-Pulizija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed jinsisti li l-qraba ta’ Jean Paul għadhom dritt ikunu jafu il-verità. Dan meta kien qed jikkummenta dwar il-fatt li l-Prim Ministru qed jibqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwar din it-traġedja li xxokjat pajjiż sħiħ.

Fis-seduta tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux se jkun hemm Inkjesta Pubblika dwar dan il-każ.

Bernard Grech minn naħa tiegħu qed jistaqsi xi jrid jaħbi Robert Abela u lil min qed jiddefendi. Dan għaliex s’issa, l-ebda persuna għadha ma ġiet akkużata b’rabta ma’ dan il-każ li seħħ xahrejn ilu.

Intant…..Isabelle Bonnici qaltilna li f’dan il-punt ma tixtieqx taghti intervisti fuq it-televiżjoni.

Iżda insistiet li l-ebda omm m’għandha tgħaddi minn dak li għaddiet hi meta tilef lill-uniku wild li kellha. U huwa għalhekk li għandha ssir ġustizzja għal dak li seħħ biex inċident bħal dan qatt ma jerġa’ jsir.