Lokali

Skomdi jwieġbu għalfejn il-Gvern ma jridx jiftaħ Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Il-membri tal-Kabinett qed ifarfru fuq il-Prim Ministru Robert tant illi l-ebda mill-Ministri li intervistajna l-Ġimgħa filgħodu ma taw l-opinjoni tagħhom dwar jekk għandhiex tinfetaħ inkjesta pubblika rigward il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

F’Diċembru dan iż-żagħżugħ ta’ 20 sena tilef ħajtu taħt it-terrapien ta’ erbgħa sulari konkrit wara t-tiġrif tal-binja li kienet għadha taħt kostruzzjoni f’Kordin. Sa issa għadu ħadd ma ġie arrestat b’rabta mal-każ, bir-riskju li min huwa involut jista’ faċilment jaħrab minn pajjiżna mingħajr ma jħabbat wiċċu mal-ġustizzja.

Lura f’Marzu tal-2020 meta Miriam Pace kienet tilfet ħajjitha wara li r-residenza tagħha ġġarfet hekk kif kien għaddej xi xogħol biswita…il-persuni involuti fil-mewt tagħha ġew arrestati l-għada. Iżda b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – għad hemm ħafna domandi x’jiġu mwieġba. Tant li sa issa, ħadd ma tressaq il-Qorti.

Matul il-jum tal-Erbgħa d-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia staqsa fil-Parlament lill-Prim Ministru Robert Abela jekk hux se tinfetaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ…b’Abela jagħżel li jevita għal kollox il-mistoqsija.

Ironikament l-Erbgħa fil-Parlament, l-istess Prim Ministru li tlett ijiem qabel qal waqt attività tal-Labour f’Birkirkara li jkollu l-konverżazzjonijiet mal-Maġistrati…. insista biex inħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu f’serenità

Net News staqsa lill-Ministru Aaron Farrugia għal liema raġuni l-Gvern ma jridx jiftaħ inkjesta pubblika, b’Farrugia jfarfarha fuq Robert Abela wara li għall-ewwel prova jevita l-mistoqsija.

Dan filwaqt li l-Ministru Clayton Bartolo mhux talli sostna li l-Prim Ministru diġà wieġeb dwarha, iżda insista li jaqbel miegħu.