Lokali

Tidher biċ-ċar it-tmexxija ħażina tal-Gvern fl-Isptar Mater Dei

Fuq il-mezzi soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippubblika ritratti tal-istat li spiċċa fih l-Isptar Mater Dei minħabba l-immaniġġjar ħażin tal-Gvern Laburista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif il-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jippompja l-miljuni lill-barranin li ngħataw l-isptarijiet tagħna b’xejn minkejja li ġie ddikjarat fil-Qorti li l-kuntratt kien frawdolenti u minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.

Imma s-sistema tas-saħħa u l-livell tal-kura qed ikomplu jmorru lura:- Dak li sa ftit xhur ilu kien canteen tal-ikel qed jintuża’ bħala ward.- Nuqqas ta’ dinjità għall-pazjenti, bis-sodod fl-istore bl-affarijiet li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd.- Nuqqas ta’ privatezza u kumdità għall-pazjenti, b’showers temporanji fil-kurituri tal-wards.

Dawn flimkien mal-lista dejjem tiżdied tal-mediċini “out of stock” jew b’nuqqas qawwi, inkluż uħud mill-aktar essenzjali bħal antibijotiċi orali u clindamycin, fost oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif Robert Abela u sħabu moħħhom biss biex jonfqu l-flus għal erba’ statwi ta’ dinożawri, biex jinawguraw l-istess triq erba’ darbiet u biex jagħtu l-miljuni żejda lill-persons of trust.

Għaldaqstant, il-Gvern għandu jagħti t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-poplu u jinvesti l-miljuni li qed jagħti lil ta’ Steward biex ikollna s-servizz tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja li jixirqulna.

Ara l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista hawnhekk.