Futbol Sport

Valletta u Birkirkara f’konfront li jġib miegħu memorji mill-isbaħ għall-futbol Malti

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-aktar żewġ konfronti li jispikkaw mit-18-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier bla dubju huma dawk bejn Floriana u l-leaders Ħamrun Spartans u l-konfront bejn ir-rivali bejn Valletta u Birkirkara, konfront li għal snin sħaħ kien wieħed mill-isbaħ dwelli li ppakkja l-istands f’Ta’ Qali. Konfront ieħor interessanti, din id-darba min-naħa t’isfel tal-klassifika huwa dak bejn Marsaxlokk u Żebbuġ Rangers, li jista jiddetermina jekk il-ġlieda għar-relegazzjoni hux se tibqa’ bejn tliet timijiet jew jekk Marsaxlokk hux se jkunu r-raba’ tim li se jkun qed jiġġieled biex jibqa’ mal-kbar.

Valletta vs Birkirkara | Il-Ħadd, fit-15:00 fl-Istadium Nazzjonali

Tnejn mill-akbar rivali ta’ dawn l-aħħar 30 sena ta’ futbol Malti, Birkirkara u Valletta, jaffrontaw lil xulxin f’mument meta fil-klassifika bejnithom hemm differenza ta’ għaxar punti, bl-Istripes jinsabu t-tielet fil-Kampjonat, fiż-żona Ewropa u Valletta fit-tmien post, bl-istess ammont ta’ punti daqs Gudja United. Għal Valletta dan hu mument ta’ sfida peress li f’temp ta’ ftit jiem se jkunu qed jilagħbu ammont ta’ partiti aktar minn normal. Huma kienu fl-azzjoni nhar l-Erbgħa li għadda, meta kellhom jirkupraw partita li kienet posposta mis-16-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, u kontra Sirens ramew vantaġġ ta’ żewġ gowls biex temmew fi draw ta’ 3-3. Issa jmisshom kontra Birkirkara, f’dwell iebes u li fuq il-karta ma jibdewx bħala l-favoriti. Wara din il-logħba jkun imisshom li jilagħbu darbtejn fuq xulxin kontra rivali oħra tagħhom, Ħamrun Spartans; bl-ewwel partita tkun mill-FA Trophy u l-oħra mill-Kampjonat. Tassew każ li dawn il-jiem jistgħu jiddeċidu d-destin ta’ Valletta għall-istaġun li ġej fit-tragward tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa. Kowċ Thane Micallef qed iħabbat wiċċu ma’ numru ta’ injuries; sitwazzjoni li żgur ma tagħmilx xogħlu daqstant faċli u l-għażliet tiegħu bil-wisq limitati. Bil-kontra jista’ jingħad fil-każ ta’ Birkirkara li fil-mument għaddejin minn forma tajba ta’ riżultati u jinsabu biss punt wieħed taħt it-tim fit-tieni post tal-klassifika, Gżira United. Għal Birkirkara l-aħħar partiti mhux biss urew konsistenza fil-pożittiv iżda kien formidabbli fl-attakk l-Arġentin ta’ 24 sena, Enzo Cabrera li skorja erba’ darbiet fl-aħħar tliet partiti li lagħab fil-Kampjonat. B’kollox s’issa Cabrera skorja disa’ darbiet u jinsab fil-ħames post tal-klassifika tal-aqwa skorers. Birkirkara u Valletta lagħbu kontra xulxin diġa’ dan l-istaġun, bid-dwell ta’ bejnithom fl-ewwel rawnd, fil-bidu t’Ottubru li għadda, kien intemm f’rebħa ta’ 3-0 għall-Istripes. Valletta se jerġgħu ikunu mingħajr il-midfielder Rowen Muscat li qed jiskonda sospensjoni ta’ tliet logħbiet iżda jirritorna għalihom mis-sospensjoni Emmy Pena Beltre.

Floriana vs Ħamrun Spartans | Is-Sibt, fis-14:00 fl-Istadium Nazzjonali

Wieħed mill-aktar timijiet inkonsistenti din is-sena Floriana b’konfront iebes kontra l-leaders tal-Kampjonat u probabilment iċ-champions il-ġodda Ħamrun Spartans. Floriana isa ilhom tliet logħbiet ma jirbħu jekk tinkludi t-telfa fl-FA Trophy kontra Santa Lucia u l-affarijiet xejn mhu sejrin tajjeb għat-tim immexxi minn Gianluca Atzori. Għat-tieni darba konsekuttiva, il-Greens m’approfittawx minn tkeċċija kmieni fil-konfront kontra Valletta fejn naqqsu milli jsibu x-xibka biex ħadu biss punt fi draw ta’ mingħajr gowls. Ħamrun min-naħa l-oħra ġejjin minn seba’ rebħiet infila bejn Trophy u Kampjonat bl-aħħar waħda tkun dik konvinċenti ta’ 3-0 kontra Sirens. Stennija għad-debutt tal-akwisti l-ġodda ta’ Ħamrun, Kalle Holmberg u Claudio Murici hekk kif it-tnejn li huma issa huma disponibbli għall-kowċ Branko Nisevic. Ħamrun għandhom għoxrin punt bl-eżatt vantaġġ fuq Floriana, u fl-ewwel rawnd, l-Ispartans rebħu 2-0 b’gowls ta’ Matthew Guillaumier u Evlis. Interessanti l-fatt li Floriana llhom xejn inqas minn ħames snin ma jirbħu kontra Ħamrun fil-Kampjonat, bl-aħħar rebħa tagħhom tmur lura għal Frar tal-2018 meta dak in-nhar, Floriana kienu rebħu 1-0. Floriana se jkollhom nieqes lil Kemar Reid li jinsab sospiż.

Gudja vs Santa Lucia | Is-Sibt, fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

Fi żmien ġimgħa Gudja United se jkunu qed jaffaċċjaw it-tieni tim fi ġlieda għas-salvazzjoni, din id-darba f’konfront kontra Santa Lucia. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet l-iskwadra mmexxija minn Andrea Agostinelli sofriet telfa ta’ 2-0 kontra Żebbuġ Rangers, wieħed mill-isfidanti ta’ Santa Lucia fiż-żona l-ħamra. Għal din il-partita Gudja se jkunu mingħajr id-difensur Andre Prates u l-midfielder Hubert Vella li t-tnejn huma sospiżi. Min-naħa l-oħra Santa Lucia wkoll ġejjin minn telfa identika ta’ 2-0 kontra Birkirkara, telfa li waslet wara żewġ riżultati pożittivi, rebħa fl-FA Trophy kontra Floriana u rebħa kontra l-avversarji diretti Żebbuġ. Il-Yellows iridu jagħmlu minn kollox biex jiksbu tliet punti minn dan il-konfront hekk kif iż-żewġ timijiet ta’ fuqhom se jilagħbu kontra xulxin il-Ħadd. Santa Lucia se jkollhom sospiż lil Nicholas Pulis. Fl-ewwel logħba ta’ bejniethom dan l-istaġun, Gudja għelbu lil Santa Lucia 3-1 b’dppjetta ta’ Vito Plut u gowl ieħor minn Prates.

Pietà Hotspurs vs Gżira United | Is-Sibt, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Konfront ieħor iebes għat-tim tal-qiegħ nett Pietà hekk kif din id-darba jilgħab kontra t-tim fit-tieni post u li jinsab fil-forma Gżira United. Wara l-aħħar konfront smajna esponenti ta’ Pietà jilmentaw dwar deċiżjonijiet arbitrali kontra tagħhom, fejn dan l-istaġun, irrelevanti kienux jew le, huwa fatt li s’issa kellhom xejn inqas minn għaxar penalties kontra tagħhom u xejn favur. L-aħħar wieħed kien fl-aħħar partita kontra Mosta meta l-iskor kien għadu dak ta’ 0-0 u dak il-ħin Pietà kienu qed jilagħbu daqs l-avversarji. Il-prestazzjoni kontra tim bħal ma huwa Ġżira għandha tkun waħda perfetta speċjalment fid-dipartiment difensiv, hekk kif il-Maroons fl-attakk għandhom fost l-aqwa plejers fil-kampjonat bit-top skorer tal-kampjonat Jefferson De Assis u sieħbu l-Brażiljan l-ieħor Maxuell Maia, li bejniethom s’issa skorjaw xejn inqas minn 21 gowl. Gżira għandhom 35 punt, punt fuq Birkirkara u ħamsa fuq it-tim fir-raba’ post Hibernians. Pietà se jkunu mingajr id-difensur Clinton Bangura li huwa sospiż. Fl-ewwel rawnd Gżira ħarġu rebbieħa 4-0.

Sirens vs Mosta | Is-Sibt, fl-16:15 fl-Istadium Nazzjonali

Sirens u Mosta għandhom objettivi differenti fl-aħħar parti tal-istaġun hekk kif it-tim minn San Pawl il-Baħar irid jikkonferma ruħu fl-ogħla diviżjoni filwaqt li l-Mostin qed jispiraw li jiġu mal-ewwel erba’ meta jinsabu biss punt taħt Hibernians. Mill-aħħar tliet ħarġiet tagħhom fil-kampjonat, kontra Floriana, Ħamrun u Valletta rispettivament, Sirens taħt il-gwida ta’ Winston Muscat ħadu biss punt u jinsabu fl-10 post bi 19-il punt. Mosta ġejjin minn rebħa ta’ 4-0 kontra Pietà iżda qabel tilfu l-konfront dirett ma’ Hibernians. Bla dubju li Mosta se jkunu qed jittamaw li l-Pawlisti jwaqqgħu il-punti fil-konfront li jmiss kontra Balzan iżda l-ewwel għandom jiffokaw fuq rebħa kontra Sirens, li fil-ġurnata huwa tim li kapaċi jwettaq id-diżappunti. Sirens akkwistaw lil Riccardo Correa fl-aħħar suq ta’ trasferimenti u ddebutta bħala sostitut f’nofs il-ġimgħa kontra Valletta. Fl-ewwel rawnd il-partita bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċat fi draw ta’ 1-1.

Hibernians vs Balzan | Il-Ħadd fis-14:00 fit-Tony Bezzina Stadium

B’erba’ punti ‘l bogħod mit-tielet post u punt fuq tal-ħames, rebħa biss tissodisfa lil Hibernians f’konfront diffiċli kontra Balzan. Barra minn hekk tliet punti biss qed jifirdu lil dawn iż-żewġ timijiet fil-klassifika, bit-tim immexxi minn Oliver Spiteri jinsab aktar fil-forma minn dak ta’ Pisanu fejn mill-aħħar erba’ logħbiet fil-kampjonat rebħu tlieta u waħda draw. Il-Pawlisti jridu jinsew il-wirja diżappuntanti li kellhom kontra Gżira fejn, mingħajr ma nnaqsu xejn mill-mertu tal-Maroons, ma wettqu l-ebda reazzjoni u ħolqu ftit li xejn lejn il-lasti ta’ Zarkov. Din il-ġimgħa Hibernians ħabru l-akkwist tal-attakkant Brażiljan Joao Vitor de Oliveira Florencio, b’self mingħand Żurrieq. Sa ftit ilu, ftit kienu dawk li kienu qed isemmu lil Balzan bħala wieħed mit-timijiet li se jisfida għall-post mal-ewwel erba’, iżda issa dan it-tragward huwa possibli u tliet punti minn dan il-konfront ikun qed jagħmel l-affarijiet aktar interessanti f’din il-parti tal-klassifika. Hibernians rebħu l-partita tal-ewwel rawnd 2-0 b’doppjetta ta’ Jurgen Degabriele.

Marsaxlokk vs Żebbuġ Rangers | Il-Ħadd, fl-16:15 fit-Tony Bezzina Stadium

Il-programm tat-18-il ġurnata jagħlaq il-Ħadd fl-16:15 bil-partita min-naġħa t’isfel tal-klassifika bejn Marsaxlokk u Żebbuġ Rangers. Id-distakk bejn ix-Xlukkajri u Żebbuġ huwa biss ta’ ħames punti u għalhekk din hija partita importanti ħafna għaż-żewġ timijiet. Wara disa’ logħbiet mingħajr rebħa fil-kampjonat, ix-Xlukkajri jridu jibdew jiġbru l-punti jekk iridu jevitaw li jsibu ruħhom mal-aħħar tlieta, hekk kif Żebbuġ jidhru li qed isibu saqajhom u rebħa għat-tim immexxi minn Brian Spiteri jkun ifisser li l-pressjoni tkun kollha fuq Marsaxlokk li wara l-impenji tal-FA Trophy kontra Santa Lucia jerġgħu jilagħbu mal-Yellows f’konfront dirett fil-kampjonat. Pablo Doffo se jkun mingħajr Aguilar u Carniello li jinsabu sospiżi filwaqt li Żebbuġ għandhom sospiż lid-difensur Leandro Almeida. Fl-ewwel konfront bejn dawn iż-żewġ neo promossi dan l-istaġun, Marsaxlokk ħarġu rebbieħa 3-0.