Jissokta t-tħassib mill-Istati Uniti dwar bużżieqa kbira li possibbilment qed tintuża miċ-Ċina għal missjoni ta’ sorveljanza, u li fl-aħħar ġranet kienet qed ittir minfuq siti sensittivi għall-Amerikani.
Kaġun tal-aħħar żviluppi s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken waqqaf żjara li kien se jagħmel f’Beijing, u qal li l-preżenza tal-bużżieqa ta’ “sorveljanza” hija “att irresponsabbli”.
Dwar dan iċ-Ċina qalet li tirrispetta l-istqarrijiet li qed jinħarġu mill-Istati Uniti, iżda kompliet tgħid li hi ma kinitx infurmata b’din iż-żjara.
Ftit tas-sigħat wara li ntlemħet l-ewwel bużżieqa l-Istati Uniti rrappurtaw it-tieni bużżieqa Ċiniża fuq l-Amerika Latina.
Fl-aħħar żviluppi ċ-Ċina esprimiet id-dispjaċir tagħha dwar il-bużżieqa, u qalet li din il-bużżieqa titratta riċerka li qed issir dwar it-temp.
Jidher li sa issa ma kienx hemm xi theddida partikolari għall-avvjazzjoni ċivili peress li l-bużżieqa dehret qed ittir aktar fil-għoli mir-rotot tal-ajru tal-ajruplani domestiċi.
Matul il-jum tas-Sibt, il-militar tal-Istati Uniti ngħata direttiva biex ma jisparax lejn il-bużżieqa minħabba l-possibbiltà li l-fdalijiet tiegħu jinżlu direttament fuq zoni residenzjali.
Is-Senatur Marco Rubio, ir-Rappreżentant ewlieni tar-Repubblikani fl-Intelligence Committee ta’ Washington ikkundanna bis-sħiħ l-aġir taċ-Ċina u sostna li l-Gvern komunista f’Beijing, f’dawn is-snin, żied bl-aktar mod sfaċċat u intensiv il-livell tal-ispjunaġġ fuq l-Istati Uniti.
Huwa maħsub li l-oġġett l-ewwel ittajjar fuq il-Gżejjer Aleutian, ‘il barra mill-kosta tal-Alaska, u mill-Kanada qabel ma daħal fl-Istati Uniti.
//= $special ?>