Futbol Sport

Gilbert Agius b’esperjenza ġdida fl-Asja

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Gilbert Agius mistenni jinħall mill-kuntratt eżistenti tiegħu mal-MFA sabiex jibda avventura ġdida bħala kowċ lilhinn minn xtutna.Il-paġna ta’ Replay ta’ Facebook żvelat, li Agius jinsab f’diskussjonijiet avvanzati ħafna sabiex jinħatar fl-irwol ta’ kowċ fl-ogħla diviżjoni tal-Indoneżja, fejn Agius se jkun qiegħed jieħu fit-tmexxjia tiegħu lil PSIS Semarang.

Jidher li ftehim bejn iż-żewġ partijiet hu imminenti, b’midja lokali tindika li Gilbert Agius hu l-favorit fuq coaches tal-kalibru ta’ Thorsten Fink, eks plejer ta’ Bayern Munich li anka mexxa’ klabbs importanti fl-Ewropa bħal FC Basel 1893 , FK Austria Wien, Grasshoppers Zurich u Riga FC, kif ukoll iktar riċentament barra l-Ewropa ma’ AL Nasser.

Hu mifhum li l-eks captain internazzjonali Malti u ta’ Valletta, Agius diġa’ tkellem mal-assoċjazzjoni tal-futbol f’Malta dwar din l-opportunitá mill-aktar eċitanti għal kowċ Malti, u l-aħbar mistennija ssir uffiċjali mill-klabb Asjatiku dalwaqt.Kemm il-darba din l-aħbar tkun konfermata, u Agius jieħu f’idejħ it-tmexxija ta’ PSIS Semarang fil-Liga 1, li huwa meqjus bħala l-kampjonat tal-għola livell fl-Indoneżja, dan ikun ifisser li l-futbol Malti, fl-istess waqt ikollu tliet kowċis li għandhom nazzjonalitá Maltija li jkunu qed imexxu klabb f’pajjiż Asjatiku.

Apparti Agius, it-tnejn l-oħra huma Kevin Muscat u John Hutchinson. Dawn it-tnejn huma responsabbli mit-tmexxija teknika ta’ żewġ klabbs fil-J League tal-Ġappun. Muscat, Malti Awstraljan u li lagħab viċin il-50 partita mal-Awstralja, hu kowċ ta’ Yokohama F. Marinos filwaqt li Hutchinson, eks internazzjonali Malti li lagħab 11-il darba bil-flokk ta’ Malta, hu l-assistant kowċ ta’ Yokohama FC.