Lokali

“Ġustizzja mal-vittmi tal-kostruzzjoni” -Moviment Graffitti

F’temp ta’ ħames snin total ta’ 28 persuna tilfu ħajjithom f’siti ta’ kostruzzjoni fosthom mill-inqas 7 Maltin.

Meta wieħed iħares lejn l-istatisitka jinnota li l-fataltajiet, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed jiżdiedu… Dan hekk kif fl-2017 kien hemm biss fatalità waħda iżda s-sena li għaddiet seħħew total ta’ 9 fatalitajiet, fosthom Jean Paul Sofia li tilef ħajtu fl-4 ta’ Diċembru li għadda.

Kien għalhekk li s-Sibt filgħodu l-Moviment Graffiti għamlu protesta quddiem il-bini tal-Ministeru tal-Ippjanar fil-Floriana sabiex ifakkru għeluq ix-xahrejn mill-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia u kważi għeluq it-tliet snin mill-mewt ta’ Miriam Vella li kienet intradment taħt it-terrapien ta’ dahrha stess.

Il-kuġina ta’ Jean Paul, Maia Zammit qalet li sal-lum.. xahrejn wara li seħħ l-inċident, il-familja għadha mingħajr ebda tweġibiet… Dan hekk kif pajjiżna għandu settur tal-kostruzzjoni li qed iħalli warajh numru kbira ta’ vittmi innoċenti u qed jispiċċa jkisser il-familji.  

Fil-preżenza ta’ omm Jean Paul, Maia appellat sabiex ikun hemm bidliet urġenti b’liġijiet b’saħħithom u infurzar effettiv b’pieni ħorox għal min ma jimxiex mar-regolamenti. Apparti dan għandu jkun hemm titjib fl-istandards tas-sigurtà u ma tibqax tiddomina kultura ta’ rgħiba għall-flus.

Waqt l-istess attività tkellem ukoll Paul Vella, iben Rita Vella li kienet ukoll vittma tal-kostruzzjoni f’inċident li seħħ fid-dar tagħha stess f’April tal-2000.  Huwa saħaq li wara iktar minn 23 sena għadu ma sar xejn u l-affarijiet baqgħu prattikament kif kienu. Fejn sal-lum għadhom ma ngaħtaw ebda kumpens għall-mewt ta’ ommhom. Dan filwaqt li l-Awtoritajiet qegħdin ifarfru fuq ħaddieħor u ma tittieħed ebda azzjoni.  

Min-naħa taghħa Chistine Cassar mill-Moviment Graffitti appellat sabiex ikun hemm riforma serja f’dan is-settur sabiex ma jkomplux jintilfu iktar ħajjiet. Filwaqt li appoġġjat is-sejħa li saret sabiex issir inkesta pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, saħqet li immedjatament għandja tieqad ir-rgħiba għall-flus li qed tikkmanda fuq kollok. Dan hekk kif matul l-10 snin li għaddew l-awtoriajitet ta’ pajjizna ippermettew li jkun hemm maratoni ta’ bini bla rażan. Preżenti għal din il-protesta kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-familja ta’ Jean Paul Sofia għandha dritt tkun taf il-verità u ssir inkjesta pubblika. Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux se tkun qed issir inkjesta pubblika dwar dan l-inċident li xxokkja pajjiż sħiħ.