Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Royal Malta Yacht Club ser jospita l-Kampjonati Ewropej ORC f’April

Ir-Royal Malta Yacht Club ħabbar li se jospita l-Kampjonati Ewropej ORC 2023 bejn it-23 ta’ April u l-1 ta’ Mejju 2023.

Organizzat taħt l-awtorità tal-Offshore Racing Congress (ORC), il-Malta Sailing Federation u l-appoġġ ta’ Yachting Malta Limited, l-avveniment se jilqa’ flotta sostanzjali Ewropea li fosthom hemm ċampjins tal-ORC. Pereżempju, it-TP 52 BEAU GESTE (HKG) ta’ Karl Kwok immexxi minn Gavin Brady (NZL) huwa ċ-Champion tad-Dinja renjanti tal-ORC Klassi A. It-tim KATARIINA II (EST) ta’ Aivar Tuulberg huma ċ-Champions Ewropej renjanti tal-ORC Klassi C li qed jiġru bl-Arcona 340 tagħhom fin-Norveġja, iżda hawn Malta se jidħlu fi Klassi B bil-jott Swan 42 tal-istess isem. Tim ieħor ta’ champions mill-Estonja se jkun f’Malta wkoll: Italia 11.98 SUGAR 3 ta’ Ott Kikkas, iċ-Champions tad-Dinja renjanti ORC Klassi C.

Il-Kampjonati qanqlu l-interess tal-ekwipaġġi Maltin ukoll b’żewġ rebbieħa tar-Rolex Middle Sea Race – Artie III ta’ Lee Satariano u Elusive 2 tal-familja Podesta.

Lee Satariano ikkummenta li kien qed isir ħafna tħejjijjiet biex Artie III jiġi ottimizzat u l-Kampjonati Ewropej ORC u se jkunu opportunità kbira biex jtellqu fost flotta internazzjonali. “L-Ewropej tal-ORC se jkunu l-ewwel regatta tagħna din is-sena aktar u aktar hekk kif din se ssir fl-ibħra lokali tagħna u tħejjija tajba għall-kampanja ta’ din is-sena. Il-kundizzjonijiet tat-temp u r-riħ huma ġeneralment tajbin għal dan il-perjodu tas-sena u li Malta se tattira ħafna jottijiet internazzjonali oħra biex jipparteċipaw”. F’eku tas-sentimenti tiegħu qablet Maya Podesta, ko-kaptan ta’ Elusive 2. “ Dawn il-Kampjonati fetħu opportunità meraviljuża għalina biex ntellqu f’avveniment internazzjonali mill-aqwa fuq l-għatba tagħna. Malta għandha ħafna ġranet bir-riħ, mewġ tajjeb u ġranet xemxija relattivament sħan huwa l-ambjent perfett għal xi tlielaq tassew tajbin. Żid xi dgħajjes tajbin u kumitat tat-tiġrijiet u l-potenzjal għal avveniment meraviljuż qiegħed hemm, kulma hemm bżonn issa huwa li l-baħrin internazzjonali hemmhekk li jħobbu avveniment tajjeb jersqu biex dan iseħħ.”

Daħla oħra Maltija hija Otra Vez. L-ekwipaġġ tagħhom  għandom esperjenza tajba fit-tiġrijiet lil hinn mix-xtut u kostali, wara li kkompetew ukoll fir-Rolex Middle Sea Race diversi drabi. Aaron Gatt Floridia, sid ta’ Otra Vez, esprima l-antiċipazzjoni tiegħu għall-avveniment, u rrimarka li “Qed nistennew bil-ħerqa li nieħdu sehem f’dan l-avveniment importanti fl-ibħra taghna. Il-kombinazzjoni ta’ tlielaq tagħti ħafna opportunità lid-dgħajjes biex jittestjaw lilhom infushom f’kundizzjonijiet ta’ tiġrijiet differenti”

Bi tħejjija għal dawn il-Kampjonati, il-Klabb qed jorganizza Measurement Seminar, li se jitmexxa mill-ufficjal tal-ORC Zoran Grubiša u mill-membru Tekniku tal-ORC Alberto Pindozzi .

David Cremona, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club laqa lit-tim ORC u kkummenta li “Il-Kampjonati Ewropej ORC huma lesti li jilqgħu flotta mdaqqsa f’Malta, b’ekwipaġġi li jersqu minn madwar l-Ewropa kollha għal ġimgħa t’ibburdjar offshore u kostali. Ninsabu fiduċjużi li l-waqfa tagħhom f’Malta u r-Royal Malta Yacht Club se tkun waħda memorabbli” Cremona, kompla billi rringrazzja lil Yachting Malta talli appoġġjat dan l-avveniment.

Iċ-Chairman ta’ Yachting Malta Jonathan Borg esprima s-soddisfazzjon tiegħu għall-opportunità li YachtingMalta tappoġġa avveniment bħal dan. “Filwaqt li l-Belt Valletta, sit tal-Wirt Dinji tal-UNESCO toħloq immaġni perfetta, Malta mhux toffri xeni spettakolari tul il-kosta tagħha  biss iżda hija magħrufa għall-kundizzjonijiet għall-ibburdjar, li ilhom jattiraw avvenimenti ta’ jottijiet ta’ kalibru għoli lejn Malta u toffri servizzi ta’ kwalità għolja lil l-industrija marittima”.