Ewropa Lokali

Il-President Metsola onorata b’Midalja tad-Deheb għall-kontribut tagħha fil-politika

EP-144648G_Metsola-Dublin

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ingħatat il-midalja tad-deheb għall-kontribut kbir fil-qasam tal-politika. L-MEP Maltija u tal-Partit Nazzjonalista ingħaqdet ma lista ta’ mexxejja dinjija, fosthom il-President Amerikan Joe Biden, l-eks kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Ministru Ewlieni tal-Iskozja Nicola Sturegon, li lkoll rċivew dan l-unur fl-aħħar snin.

Il-Midalja tad-Deheb tal-Patroċinju Onorarju huwa l-ogħla unur mogħti mis-Soċjetà Filosofika Universitarja fi Trinity College; l-eqdem soċjetà studenteska madwar fid-dinja, li fit-370 sena li ilha mwaqfa kellha fi ħdanha nies li taw kontribut kbir fid-dinja tal-arti u l-kultura. Illum, din is-soċjetà għandha aktar minn 10,000 membru minn kull rokna tad-dinja. Għaċ-ċerimonja tal-unur, kien preżenti ukoll il-Prim Ministru tal-Irlanda Leo Varadkar.

Fid-diskors tagħha wara li rċeviet l-unur, l-President Metsola qalet, “napprezza li intagħżilt mill-Kunsill tagħkom biex nirċievi l-Midalja tad-Deheb tal-Patroċinju Onorarju għal din is-sena, li umilment qed naċċetta f’isem il-Parlament Ewropew – istituzzjoni li qiegħdha hemm biex tkun il-vuċi tagħkom. U dan ir-rikonoxximent itini fiduċja, li l-azzjonijiet li ħadna matul l-aħħar sena kisbu l-fiduċja tagħkom. Se nagħmel ħilti kollha biex insarraf lura l-fiduċja tagħkom.”

Il-President Metsola żiedet li l-unur jagħti kuraġġ għall-aktar ħidma favur l-libertà, d-demokrazija, l-ugwaljanza u l-ġustizzja – “li huma għeżież ħafna għalina.” “Jien ili Membru tal-Parlament Ewropew 10 snin, u President għal sena. Ma kinitx faċli. Din kellha tkun is-sena li fiha nirkupraw u jkollna qawmien ekonomiku. Minflok, 6 ġimgħat mindu inħtart President, sibna ma wiċċna gwerra fil-kontinent tagħna. Il-prijoritajiet jinbidlu.

Iż-żjara tal-President Metsola fl-Irlanda timmarka l-50 sena anniversarju mindu dan il-pajjiż issieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Waqt iż-żjara, l-President tal-Parlament Ewropew indirizzat il-Parlament tal-Irlanda u kellha laqgħat bilaterali mal-mexxejja tal-pajjiż. Il-President Metsola wieġbet ukoll mistoqsijiet ta’ studenti Irlandiżi li ħadu sehem f’attività, waqt li żaret il-mafkar tal-ġurnalista investigattiva Veronica Guerin, fil-ġonna tal-Kastell ta’ Dublin. Il-ġurnalista tas-Sunday Independent li kienet tinvestiga attivitajiet kriminali, inqatlet minn barunijiet tad-droga f’Ġunju tal-1996.