Futbol Sport

Mosta jdawru telfa f’rebħa u jitilgħu ir-raba’

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

SIRENS…………..1

MOSTA…………..2

Sirens: M. Grech, M. Muniz (D. Jackson 39’), K. Sano, R. Tachikawa, A. Borg, J. Walker, A. Vaikainah, A. Cini (A. Vella 83’), R. Duarte, P. Bento (I. Kolev 83’), S. Sessegnon (S. Arab 69’)

Mosta: I. Akpan, R. Briffa (D. Bonnici 80’), C. Ememe (N. Agius 90’), C. Failla, K. Yamazaki (P. Tinebe 46’), B. Diarra, J. Akrong, J. Vassallo, Z. Brincat (G. Sciberras 80’), R. Ekani, F. Dore (C. Okoh 46’)

Imwissija: S. Sessegnon 69’, J. Walker 84’, A. Vaikainah 87’ (S), J. Akrong 73’, G. Sciberras 85’ (M)

Skorjaw: K. Sano 26’ (S), J. Akrong 45+1’, C. Okoh 54’ (M)

Referee: Anfrea Schriha

Assistenti Referees: Alan Camilleri u Thomas Debono

BOV Plejer tal-Logħba: Christ Ememe (Mosta)

Mosta telgħu temporanjament fir-raba’ post meta fit-tieni logħba tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali dawwru telfa f’rebħa u għelbu lil Sirens 2-1. Din kienet it-tielet rebħa mill-aħħar erba’ partiti għall-Mostin filwaqt li Sirens mill-istess ammont ta’ partiti issa tilfu tliet darbiet.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fit-13-il minuta minn Mosta fejn kien Akrong fil-kaxxa li għadda lejn Dore li iżda minn qagħda ideali tefa’ għoli.

Sirens marru minn fuq fis-26 minuta meta Kei Sano rċiva ballun mal-linja u minn qagħda angolada bi ġmiel ta’ xutt għeleb lil Akpan wara li l-ballun ħabat mal-wieqfa.

Mosta ġabu l-gowl tad-draw eżatt qabel il-mistrieħ meta minn azzjoni ta’ korner id-difiża ta’ Siens naqqset milli ttajjar il-periklu bil-ballun jaqa f’saqajn Jacob Akrong li minn quddiem Matthew Grech ma faliex. Tmiem l-ewwel taqsima l-iskor dak ta’ 1-1.

Żewġ bidliet minn naħa ta’ Mosta fil-mistrieħ fejn daħlu jilagħbu Precious Tinebe u Chidera Okoh b’dan tal-aħħar ma damx ma ħalla mpatt hekk kif fl-54 minuta poġġa lil Mostin fil-vantaġġ wara li l-ewwel tentattiv tiegħu ħabat mal-wieqfa biex bit-tieni xutt għeleb lil Grech u Mosta 2-1 minn fuq.

Minkejja l-isforzi ta’ Sirens l-iskor baqa’ ma nbidilx u kienu Mosta li ħadu tliet punti importanti biex issa jittamaw li għada jfallu Hibernians biex iżommu r-raba’ post.