Futbol Internazzjonali Sport

Premier Ingliż: Newcastle miżmuma f’darhom, 1-1, minn West Ham

West Ham United taw wirja qalbiena biex rebħu punt prezzjuż fi dro kumbattut ma’ Newcastle United — il-finalisti tal-Carabao Cup li anki qegħdin jittamaw f’post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

Il-pubbliku f’St James Park kien qed jiċċelebra l-gowl tal-ftuh wara biss tliet minuti u wara li Sean Longstaff ipprovda ballun fuq platt lil Callum Wilson biex jagħti vantaġġ bikri lil Newcastle.

Fabian Schar kważi għamel l-iskor 2-0 minn freekick iżda mbagħad waslet id-doċċa kiesħa għal Newcastle meta l-midfielder Brażiljan Lucas Paqueta kiseb il-parità mill-viċin ghall-Hammers — b’dan ikun l-ewwel gowl li Newcastle sofrew fil-league mis-6 ta’ Novembru.

Newcastle issa jinsabu r-raba’ fil-klassifika b’40 punt waqt li West Ham jinsabu s-sittax — b’punt wieħed vantaġġ fuq it-tims fiz-zona l-ħamra tal-Premier League