Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa sorprendenti iżda meritata għal Everton fuq Arsenal….L-ebda tmiem għall-kriżi ta’ Liverpool

(Ritratt: EPA)

Everton ħasdu lil Arsenal, il-liders tal-Premier League, meta fl-ewwel logħba tal-programm huma kisbu tliet punti sorprendenti għall-ispejjeż tal-Gunners ta’ Mikel Arteta….Madankollu, Arsenal, għalissa, għadhom igawdu vantaġġ ta’ ħames punti fuq it-tieni tim (u Champions Ingliżi) Manchester City.

It-Toffees – li kienu qed jilgħabu l-ewwel konfront taħt il-manager ġdid  Sean Dyche  — kienu irrikonoxxibbli mit-tim li qabel kien qed jokkupa t-tieni post mill-aħħar fil-klassifika wara sensiela ta’ riżultati diżastrużi li wasslu għat-tkeċċija tal-eks manager, Frank Lampard.

Ir-rebħa fuq Arsenal f’Goodison intant, kienet l-ewwel waħda għat-Toffees wara ħdax-il logħba fil-kompetizzjonijiet kollha. U wara li Everton fallew sensiela ta’ ċansijiet fl-ewwel taqsima – permezz ta’ Calvert-Lewin u Doucoure – il-gowl li deċieda l-konfront wasal fuq siegħa logħob meta d-difensur James Tarkowski għola fuq kulħadd biex isib ix-xibka bir-ras fost id-dellirju ta’ ferħ tas-sapporters f’Goodison.

Everton, imbagħad, bdew jilqgħu għall-attakki ta’ Arsenal li dehru tim inċert għall-aħħar, b’Saka u Odegaard ikunu miżmuma sew mid-difiża tat-Toffees u fejn rari kienu perikolużi. L-aktar azzjoni perikoluża għall-Gunners qabel tmiem il-logħba waslet mis-sostitut Leandro Trossard li ġiegħel lil Jordan Pickford iwettaq save sabiħ fuq it-tentattiv mill-qrib.

Intant, b’dan ir-riżultat il-vantaġġ tal-Gunners f’ras il-klassifika jista’ jonqos għal żewġ punti biss, f’każ li Man City, illum, jirnexxilhom jegħlbu lil Tottenham Hotspur f’The New White Hart Lane.

Marcus Rashford mill-ġdid kien deċiżiv fir-rebħa ta’ Manchester United, 2-1, fuq Crystal Palace f’Old Trafford – bil-logħba ma tkunx nieqsa mill-kontroversji, speċjalment matul it-tieni taqsima.

Ir-Red Devils ingħataw penalty wara biss erba’ minuti wara li Will Hughes mess il-ballun b’idu fil-kaxxa – bil-Portugiż, Bruno Fernandes, ma jiżbaljax mill-ħdax-il metru.

Palace ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda fit-tieni taqsima kienu United li rduppjaw, b’Rashford (62) idawwar għal ġewwa l-assist ta’ Luke Shaw għall-ħdax-il gowl personali mindu rritorna lura mil-logħob tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar.

Iżda mbagħad inqalgħet drama  sħiħa meta l-plejers taż-żewġ naħat ikkonfrontaw lil xulxin wara d-daħla xejn kumplimentuża ta’ Jeffrey Schlupp fuq Antony – bir-referi Andre Marriner jikkonsulta l-VAR qabel wera l-ħamra lill-midfielder ta’ United Casmiro li kien deher iżomm lil Huges minn għonqu.

Crystal Palace minn dak il-ħin xeħtu kollox fuq l-attakk, bi Schlupp (76) inaqqas il-marġni wara taħwida quddiem il-lasta ta’ David de Gea — iżda minn dak il-ħin United organizzaw ruħhom aħjar u rnexxielhom jagħlqu l-logħba b’rebħa 2-1 u għal riżultat utli ferm fil-ġlieda għat-Top 4.

Donnu li xejn ma jista’ jiġi tajjeb għal Liverpool, li sofrew telfa kbira oħra – 3-0 – din id-darba kontra Wolves, f’Molineux. Dan ir-riżultat bla dubju hu sodisfazzjon kbir għat-tim tal-Black Country li kompla jitbiegħed miz-zona l-ħamra tal-klassifika — u wara li Wolves kienu nqalgħu mill-FA Cup kontra l-istess Reds fost xi deċiżjonijiet dubbjużi favur it-tim ta’ Jurgen Klopp.

Din kienet anki t-tielet telfa konsekuttiva għal Liverpool fil-Premier League, bir-Reds isibu ruħhom minn taħt wara biss ħames minuti meta d-difensur Joel Matip wettaq awtogol fuq il-kross ta’ Hwang Hee-chan. Seba’ minuti wara, Wolves irduppjaw meta d-debuttant Craig Dawson approfitta minn żball kbir ieħor ta’ Matip biex sammar ġewwa mill-ġdid.

Liverpool kienu aħjar fit-tieni taqsima u marru qrib b’tentattivi ta’ Robertson, Salah u Darwin Nunez, iżda kienu Wolves li reġgħu skurjaw meta Ruben Neves (71) ma żbaljax fuq kontra-attakk u wara xogħol tajjeb minn Adama Traoare.

B’dan ir-riżultat, Liverpool baqgħu l-għaxra fil-klassifika u meta qed jonqsulhom dejjem aktar iċ-ċansijiet li jispiċċaw mal-aħjar erba’ tims tal-kampjonat.

Leicester City kisbu rebħa importanti, 4-2, fuq Aston Villa u li tellgħethom fit-13-il post tal-klassifika – bil-Villains jibqgħu pjuttost komdi, b’seba’ punti vantaġġ fuq l-istess Foxes ta’ Brendan Rodgers.

Ollie Watkins tefa’ lil Villa fil-vantaġġ wara disa’ minuti, b’James Maddison jagħmilhom 1-1 tliet minuti wara. Fit-30 minuta, Villa marru 2-1 minn fuq wara awtogol ta’ Souttar iżda minn dak il-ħin, Leicester ħadu r-riedni, b’Iheanacho jikseb parità (41) u b’Cardoso Lemos Martins (45+2) jaqleb ir-riżultat favur il-Foxes sekondi qabel il-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, Philippe Coutinho kellu ‘gowl’ imħassar għal Villa, u b’Leicester imbagħad jaċċertaw mir-riżultat grazzi għas-sostitut Dennis Praet (79) wara azzjoni personali.

Brentford xeħtu lil Southampton f’baħar ta’ inkwiet b’rebħa komda, 3-0, fil-Gtech Community Stadium  li tellgħet lill-Bees fis-seba’ post tal-Premier League.  Ben Mee fetaħ l-iskor b’header b’saħħtu wara 41 minuta u qabel il-mistrieħ (44) Bryan Mbuemo għamilhom 2-0 fuq il-‘cut-back’ preċiż ta’ Yoane Wissa. Is-Saints ma kellhomx tweġiba u fil-81 minuta, Mathias Jensen kompla jżid l-iskor fuq il-kross ta’ Rico Henry. B’hekk Southampton għadhom ankrati fl-aħħar post tal-klassifika bi 15-il punt minn 21 logħba.

Kaoru Mitoma reġa’ ħalla għal tard biex skorja l-gowl deċiżiv fil-logħba ma’ Bournemouth fl-Amex Stadium. Din kienet it-tieni darba f’ġimgħa li l-attakkant Ġappuniż sab ix-xibka fl-aħħar nifs għat-tim tiegħu wara l-gowl brillanti li bih kien elimina lil Liverpool mill-FA Cup fl-istess grawnd.

Il-gowl importanti wasal fis-87 minuta meta Mitoma sab ir-rokna tax-xibka b’daqqa ta’ ras li ma tat l-ebda ċans lill-gowlkiper Neto. B’hekk kompla l-mument maġiku għas-Seagulls li qed jokkupaw is-sitt post fil-klassfika, b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għaċ-Champions League għall-ewwel darba fl-istorja jekk ikomplu juru din il-forma stupenda.