Lokali

“Qalbi maqsuma… għax il-gabbana hija l-mimmi ta’ qalbi” – is-sid Alfred Cacciattolo

Dik li kienet meqjusa bħala waħda mlil-ikoni tal-lokalità tal-Ħamrun għal dawn l-aħħar 47 sena spiċċat inqerdet fi ftit minuti.

Kienu għall-ħabta tat-tmienja u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija meta nirien kbar ħakmu l-gabbanatal-Ħamrun fi Pjazza San Pawl, bil-gabbana fi ftit minuti tispiċċa fjamma waħda wara li żviluppaw ħsarat fil-kċina, illi tinsab fil-livell ta’ taħt it-triq.

Fortunament ħadd ma weġġa’ f’dawn in-nirien hekk kif il-ħaddiema rnexxielhom joħorġu mill-gabbana mal-mument li n-nar beda jinfirex. Għalkemm f’xi ħin instemgħu wkoll spluzjonijiet, possibilment ta’ xi ċilindri tal-gass.

Immedjatmanet fuq il-post waslu madwar sitt vetturi tat-tifi tan-nar sabiex jikkontrollaw is-sitwazzjoni f’ħin qasir. Biz-zona kellha wkoll tingħalaq għat-traffiku minħabba kwsitjoni ta’ sigurta’.

Is-Sibt filgħodu Net News mar fuq il-post fejn kienet evidenti l-atmosfera ta’ dieqa li kien hemm fil-Pjazza…. B’numru ta’ persuni ngħaqdu flimkien biex jgħinu lill-familja Cacciattolo jnaddfu dak li kien għad fadal mill-kċina u l-istruttura ta’ din il-gabbana.

Preżenti fil-post kien hemm sid il-gabbana Alfred Cacciattolo fejn f’kummenti ma’ Net News bid-dmugħ f’għajnejh stqarr li l-gabbana hija l-mimmi ta’ qalbu. Alfred qal li sa issa għadu ma rax il-filmati li ttellgħu fuq il-mezzi soċjali tal-gabbana tieħu n-nar, hekk kif hija għafsa ta’ qalb kbira għalih li jaraha f’dak l-istat.

Preżenti wkoll wieħed minn uliedu… Ian Cacciattolo li f’kummenti li ta lil Net News stqarr li għalkemm huwa ta’ dispjaċir kbir li tara din il-gabbana tinqered fi ftit minuti, huwa grat li b’xorti tajba ma weġġa’ ħadd.

Bosta Ħamruniżi li s-Sibt filgħodu nġabru quddiem il-gabbana, esprimew id-dieqa tagħhom għal dak li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija.

Alvin u Kenneth Cacciattolo, li jiġu wkoll ulied Alfred esprimew in-nieket tagħhom għal dak li seħħ filwaqt li  rringrazzjaw lil kulħadd tas-sapport li urew magħhom matul dawn l-aħħar sigħat li kienu pjuttost diffiċli. Kenneth kiteb li l-familja Cacciattolo se tibqa’ sservi lill-klijenti tagħha mill-ħanut li jinsab faċċata filwaqt li wiegħed li l-gabbana se tkun qed terġa’ tinbena.