Futbol Sport

Serie A: Derby ta’ ħajja jew mewt għal Milan

Matul tmiem din il-ġimgħa fl-Italja tintlagħab il-21 ġurnata tas-Serie A, fejn tispikka l-logħba ta’ għada f’San Siro bejn il-kuġini Inter u Milan, f’derby tant mistenni.

Dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu ftit tal-jiem ilu fil-finali tas-Supercoppa li Inter rebħu faċilment 3-0.
Għaċ-champions Milan dan id-derby jfisser ħajja jew mewt hekk kif ir-Rossoneri għaddejjin minn kriżi profonda bi tliet telfiet konsekuttivi, telfiet kbar u umiljanti fejn Milan sofrew 12-il gowl f’dawn il-logħbiet.
Sal-bidu ta’ Jannar Milan kienu meqjusa bħala l-avversarji prinċipali ta’ Napoli, iżda f’temp ta’ ftit ġimgħat it-tim immexxi minn Stefano Pioli sfaxxa, fejn ħafna ma jistgħux jagħtu spjegazzjoni għal din il-bidla radikali li għaddejjin minnha Milan.

Inter fost il-ġimgħa għaddew ukoll għas-semifinali tal-Coppa Italia b’rebħa fuq Atalanta, u mingħajr dubju li jibdew bħala favoriti li jkomplu jżidu l-inkwiet ta’ Milan.
Fil-logħbiet l-oħra l-leaders Napoli jmorru għand Spezia fejn mistennija jkomplu bil-mixja trijonfali tagħhom.


Illum
15:00 Cremonese v Lecce
18:00 Roma v Empoli
20:45 Sassuolo v Atalanta
Għada
12:30 Spezia v Napoli
15:00 Torino v Udinese
18:00 Fiorentina v Bologna
20:45 Inter v Milan
It-Tnejn
18:30 Verona v Lazio
20:45 Monza v Sampdoria
It-Tlieta
20:45 Salernitana v Juventus