Lokali

Wirja ta’ ritratti mill-isbaħ meħudin minn studenti tas-Savio College

Sitt snin ilu, Savio College beda joffri lill-istudenti tlitt korsijiet ġodda li ġew approvati mid-DQSE u eventwalment rikonoxxuti saħansitra mill-MCAST b’valur ta’ O Level. 

Dawn is-suġġetti huma varjati mmens u fosthom insibu l-Applied Award in Robotics and Single Board Computers, l-Applied Archaeology u l-Applied Music and Sound Production.  Wieħed minn dawn is-suġġetti li huwa ferm popolari fost l-istudenti huwa l-Applied Award in Photography (MQF 3).

Grupp ta’ erbatax-il student li issa waslu biex itemmu l-mixja edukattiva tagħhom fis-sekondarja kienu għażlu dan il-kors tlett snin ilu meta kienu fid-disa’ sena tagħhom.  Dawn l-istudenti ikollhom tlett lezzjonijiet tal-fotografija kull ġimgħa. 

F’Ottubru li għadda dawn iż-żgħażagħ marru barra minn xtutna fil-belt ta’ Turin fejn esploraw il-ġmiel ta’ din il-belt, kif ukoll ir-reġjun tal-Pjemonte. Immexxija mill-għalliem tagħhom, Christopher Azzopardi, l-istudenti kellhom l-opportunita’ li jitħarrġu fl-użu ta’ teknika varjata li tgħallmu matul it-tlett snin tal-kors.  Bla dubju kienet opportunita tad-deheb li jitgħallmu wkoll teknika ġdida. 

Ritratt: Adam Aquilina

Ta’ min wieħed isegwi dak li rrakkonta Adam Caruana dwar din l-esperjenza fi blog fuq is-sit uffiċċjali tal-iskola:   Turin through the Lens 2022 – Savio College – Dingli – Malta

Meta ġew lura mis-safra edukattiva, l-istudenti ħadmu bla waqfien fil-laboratorju tal-Media biex jeditjaw ir-ritratti li mbagħad setgħu jitgawdew mill-pubbliku f’wirja li ttellegħet bejn it-23 u l-31 ta’ Jannar f’Palazzo Ferreria, il-Belt Valletta.  Kienu bosta l-viżitatturi li tpaxxew bix-xogħol tagħhom u ħalllew kummenti pożittivi dwar il-fuq minn ħamsin ritratt li kienu esposti fil-wirja.  Bla dubju deher li dawn iż-żgħażagħ għandhom talent u għajn tajba għall-fotografija.

Ritratt: Nathan Abela
Ritratt: Gianluca Cilia
Ritratt: Gianluca Vella