Lokali

Appell għal aktar sigurtà u libertà tal-espressjoni

“Wasal iż-żmien li l-poplu jerġa’ jibda jsemmi leħnu”

Hemm bżonn li l-poplu jwassal leħnu – ma nistgħux nissoktaw bil-kultura tax-xejn m’hu xejn, ma nistgħux nibqgħu nibżgħu noħorġu waħedna filgħaxija. Aħna m’aħna se naqtgħu qalbna qatt.

Sostniet dan id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Rebekah Borg hekk kif indirizzat attività politika fi ħdan il-Każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba fejn qalet li mill-2017 ‘l hawn, minn dak il-jum traġiku fejn ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia..pajjiżna spiċċa f’realtà oħra.

Filwaqt li rringrazzjat lill-ġurnalisti tal-ħidma tagħhom fejn minkejja l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom xorta waħda jibqgħu jikxfu u jiktbu l-istejjer ta’ verità… hija insistiet dwar il-bżonn li pajjiżna jerġa’ jsib l-għeruq tiegħu.

Rebekah Borg saħqet li hawn żgħażagħ li qed jitilqu mill-pajjiż għax m’għadhomx jaraw tama, iżda agħar minn hekk…m’għadhomx iħossuhom siguri f’pajjiżhom stess.

Dan filwaqt li saħqet li minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid jostor il-vuċi tal-Oppożizzjoni b’kull mezz possibli, wasal iż-żmien li l-poplu jsemma’ leħnu bħal ma għamel fil-passat.

Dan filwaqt li d-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Ivan J Bartolo insista dwar il-kritika kostruttiva li għandu bżonn jibda jisma’ dan il-Gvern fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista qatt ma waqaf joħroġ bi proposti.

Huwa insista dwar l-isfidi li preżentament pajjiżna qed jaffaċja dik tal-għoli tal-ħajja bil-prezz tal-ikel kull ma jmur qiegħed jogħla, tal-kwalità tal-ħajja u tas-sigurtà kif ukoll dwar il-fatt li hawn biża qalb iċ-ċittadini.

Ivan J Bartolo saħaq li taħt dan il-Gvern il-Korp tal-Pulizija spiċċa b’nuqqas ta’ riżorsi u motivazzjoni fejn dan il-pajjiż spiċċa fi klima soċjali li lanqas iż-żgħażagħ ma jridu jibqgħu jgħixu fiha.

Huwa insista li bħala ġenitur u nannu jinsab mħasseb għal uliedu u neputijietu filwaqt li insista sabiex dan il-Gvern jindirizza s-sitwazzjoni ta’ dixxiplina fil-pajjiż b’mod mill-aktar serju.

Għaldaqstant saħaq li huwa jemmen li verament il-Partit Nazzjonalista għandu nies ta’ kwalità li dan il-pajjiż verament għandu bżonn.