Futbol Sport

Draw ġust bejn Valletta u Birkirkara

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rowen Camilleri

VALLETTA………….1

BIRKIRKARA………1

Valletta: C. Formosa, E. Ruiz, A. Zammit (T. Caruana 84’), S. Dimech, E. P. Betre, F. Falcone (W. Jebor 85’), B. Kamdem, B. Paiber, E. Sala, J. Willy, K. Bevis

Birkirkara: G. Nava, E. Pepe, A. Da Paixao (P. Mbong 67’), K. Zammit, Y. Yankam, M. Fedele (O. Iorio 60’), C. Attard, E. Cabrera, S. Zibo, A. Coppola, K. Tulimieri (A. Ciolacu 60’)

Imwissija: Y. Yankam 10’, A. Da Paixao 66’ (B), A. Zammit 45’ (V)

Skorjaw: Y. Yankam 19’ (B), F. Falcone 34’ (V)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: James Muscat u Shaun Calleja

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Shaun Dimech (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Joseph Willy (Valletta)

Ir-rivali Valletta u Birkirkara ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1 f’partita li fl-aħħar mill-aħħar kienet bilanċjata u l-iskor jirrifletti dak li rajna fil-ground biż-żewġ timijiet jaqsmu l-logħob tul id-disgħin minuta. Għal Valletta dan kien ir-raba’ draw konsekuttiv filwaqt li Birkirkara naqsu milli jkomplu jirbħu wara tliet rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat.

L-ewwel xutt perikoluż wasal fis-16-il minuta, minn free kick dirett mogħti mid-difensur ta’ Birkirkara Alessandro Coppola li mid-distanza b’xutt b’saħħtu mpenja lil Formosa li kellu jdawwar f’korner.

Tliet minuti wara Birkirkara marru minn fuq meta minn korner mogħti minn Matteo Fedele, id-difiża ta’ Valletta tonqos milli timmarka lil Yannick Yankam li waħdu bir-ras għeleb lill-goalkeeper żgħażugħ Cain Formosa.

Fit-32 minuta Valletta perikolużi minn azzjoni ta’ Bevis li għadda tajjeb mal-linja u rnexxielu jidħol fil-kaxxa avversarja u jitfa’ kross fil-baxx lejn Falcone iżda kien Yankam li tajjar fil-ħin dak li kien ikun gowl ċert tal-eks attakkant Arġentin.

Għaddew biss żewġ minuti u din id-darba Valletta sabu x-xibka. Azzjoni mill-isbaħ mibdija minn Andrea Zammit li għadda lejn Shaun Dimech li avvanza u b’pass mill-isbaħ żmarka lil Federico Falcone li din id-darba minn quddiem Nava ma żbaljax biex tefa’ lis-supporters Beltin f’dillerju ta’ ferħ u l-iskor lura f’parità.

Valletta kibru fil-kunfidenza u fit-38 minuta Giacomo Nava għal darb’oħra mpenjat meta minn azzjoni personali, Kylian Bevis minn qagħda angolata prova xutt li t-Taljan kellu jilqa’ bis-sieq qabel mad-difiża Karkariża tajjret il-periklu.

L-ewwel tentattiv lejn il-lasti fit-tieni taqsima wasal fl-54 minuta fejn kien Brandon Paiber li prova konklużjoni minn barra li għaddiet ftit għoli.

Tentattiv ieħor minn Brandon Paiber fis-76 minuta bix-xutt tal-eks Floriana jgħaddi ftit barra.

L-azzjonijiet lejn il-lasti taż-żewġ goalkeepers kienu kważi xen fl-aħħar kwarta tal-partita u l-iskor sat-tmiem baqa’ dak ta’ 1-1 biż-żewġ timijiet ikollhom jikkuntentaw b’punt.