Lokali

“Dritt għal serħan il-moħħ – dritt għal dinjità u rispett” – Bernard Grech

“Għandek dritt għal serħan il-moħħ. Għandek dritt għal kwalita ta’ ħajja li tixraqlek”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu meta kien qiegħed jindirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba.

Huwa saħaq li wara ġimgħa minn meta l-Prim Ministru Robert Abela qal li kellu taħdita ma’ membru tal-ġudikatura għadu s’issa ma rrealizzax li żbalja u wisq inqas talab skuża minkejja l-kritika tal-Partit Nazzjonalista u ta’ entitajiet oħrajn fosthom il-Kamra tal-Avukati li esprimew id-diżappunt tagħhom.

Bernard Grech sostna li Robert Abela mhux biss jiprova jinfluwenza lill-ġudikatura issa l-indħil mill-kuriduri ta’ Kastilja huma evidenti anke fil-midja fosthom fix-Xandir tal-Istat. Għaldaqstant huwa saħaq li kull min għaddej minn sfidi varji ma jistax jibqa mbeżżgħa fis-silenzju.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għalfejn Robert Abela ma jridx jagħmel inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ JeanPaul Sofia u staqsa wkoll x’qiegħed jaħbi.

Dan filwaqt li tkellem dwar is-sigurtà fil-pajjiż hekk kif insista li l-multi fit-toroq mhux biżżejjed hekk kif hemm bżonn qawwi ta’ infurzar bl-uffiċjali jingħataw riżorsi meħtieġa.

Intant Bernard Grech tkellem dwar l-isfidi li l-qasam tas-saħħa qed iħabbat wiċċu magħhom.. bi problemi mhux biss għall-pazjenti iżda anke għal ħaddiema li jaħdmu qatigħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar mediċini out of stock, dwar pazjenti morda bil-kanċer li qed jingħataw replacement għal chemo li preżentament huwa out of stock.

Dwar nuqqas ta’ spazju fi ħdan l-isptar – minkejja li l-poplu ġie mwiegħed sptar ieħor fid-dawl taż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni tal-pajjiż sforz il-mudell ekonomiku li kien applika Gvern Laburista.

Għaldaqstant, Bernard Grech insista li bil-għan li r-rispett u d-dinjita jerġgħu jintroddu lura lill-poplu dan il-pajjiż għandu bżonn li jwassal leħnu, għaliex kulħadd għandu dritt għal serħan il-moħħ u opportunita sabiex verament jasal.