Lokali

“Il-ħajja m’għandhiex prezz” – Monsinjur Joseph Galea Curmi

“Il-ħajja m’għandix prezz – għandha l-akbar valur.”

Kien dan li qal l-Isqof Awżiljarju, Monsinjur Joseph Galea Curmi waqt l-omelija tal-quddiesa li saret b’ċelebrazzjoni favur il-Ħajja Umana mill-konċepiment li saret fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann organizzata mill-Malta Unborn Child Platform.

Monsinjur Galea Curmi għamel referenza għall-każ tal-qtil ta’ Pelin Kaya fejn qal li kull ħajja umana rridu nipproteġuha b’kull mezz possibbli.

“Ġrajja bħal din għandha ssaħħaħ ir-rieda li nipproteġu l-ħajja,” qal Mons. Galea Curmi. “Irridu nipproteġu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ma neqirdux l-ambjent li għandu effett dirett fuqna. Nipproteġu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Insalvaw dawk li jkunu qed jgħerqu fl-ibħra Maltin. Nirrealizzaw li d-droga hi l-qerda tal-ħajja. U nassiguraw impenn favur il-ħajja – impenn ma jaqta’ xejn permezz ta’ ħidma mill-bidu nett meta hemm ħajja umana mat-tnissil.”

Huwa saħaq li dak li qed ikun propost fil-Parlament se jkun qed jaċċetta l-qerda ta’ ħajjiet innoċenti meta pajjiżna qatt ma falla milli jipproteġi lill-ommijiet.

“Dak li qed ikun propost itemm il-ħajja f’ċirkostanzi partikoli,” qal Mons. Galea Curmi. “Irridu nkunu ċari fiha.”

Għall-okkażjoni sar ukoll diskors qasir mill-ġinekologu, George Buttigieg fejn saħaq li pajjiżna għandu jipproteġi lil kull ħajja umana mill-bidu sat-tmiem tagħha.

“Ma nħallux l-abjad tal-bandiera Maltija tittebba bid-demm tal-innoċenti,” qal Buttigieg.

Preżenti għall-quddies kien hemm l-President ta’ Malta, George Vella flimkien mas-sinjura tiegħu Miriam Vella.