Internazzjonali

Il-Pakistan: Iwaqqfu Wikipedia minħabba allegata ‘blasfemija’

Il-Wikipedia – is-servizz (encyclopedia) online li jipprovdi kull tip ta’ informazzjoni dettaljata – spiċċa sospiż fil-Pakistan. Dan wara li l-awtoritajiet Iżlamiċi f’Islamabad iddeċidew li s-servizz kien qed jippubblika materjal meqjus bħala ‘blasfemija’ kontra r-reliġjon.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li n-nies responsabbli mill-aġġornament tad-data fuq l-Internet ingħataw deadline ta’ 48 siegħa biex ineħħu xi materjal partikulari.

Fil-fatt, l-Awtorità Pakistana għat-Telekomunikazzjonijet qalet li Wikipedia ‘falliet milli tirrispetta dan l-ultimatum’.

Sadanittant, il-Wikimedia Foundation li jipprovdi s-servizzi ta’ Wikipedia, ħareġ stqarrija fejn qal li l-aġir minn Islamabad ifisser li l-Pakistani se jkunu miċħuda minn aċċess għall-akbar sors ta’ informazzjoni fid-dinja u li hu għad-dispożizzjoni, b’xejn, għal kulmin għandu l-Internet.

Kwalunkwe kummenti kontra r-reliġjon – jew blasfermija – jinvolvu issues sensittivi u ‘perikolużi ħafna’ fil-Pakistan fejn il-maġġoranza assoluta huma Musulmani ferventi.

Dan meta kien hemm każi, fil-passat, fejn platforms oħra tal-media soċjali – fosthom Tinder, Facebook u YouTube – ukoll spiċċaw imblukkati b’mod kontroversjali għall-aħħar fil-Pakistan.

Filwaqt li ma ngħatawx dettalji dwar il-materjal li tant kien qed jurta lill-awtoritajiet Pakistani, il-kelliema f’Islamabad tennew li Wikipedia naqset milli twieġeb għall-korrispondenza biex il-materjal jitneħħa u meta, f’ħin, tneħħew biss xi partijiet minnu u li ma kienx aċċettabbli għall-istess awtoritajiet.

Il-messaġġ finali mill-Pakistan (sakemm morna għall-istampa) kien li l-websajt ta’ Wikipedia kien se jibqa’ inaċċessibbli għall-poplu ‘sakemm jitneħħa l-materjal kollu inkwistjoni’.