Internazzjonali

Il-Pakistan: Miet l-eks President Pervez Musharraf

Il-Ġeneral Pervez Musharraf, l-eks President tal-Pakistan li fl-1999 kien ħataf il-poter waqt kolp ta’ stat, miet fid-Dubaj, fl-età ta’ 79 sena, wara marda twila.

Musharraf kien dam President mill-2001 sal-2008 u f’liema żmien irnexxielu jiżgiċċa minn diversi attentati fuq ħajtu. Dan meta hu kien sab ruħu wkoll fl-eqqel ta’ taqbida ħarxa bejn l-Islamiċi militanti u l-Punent.

L-eks President Pakistani kienu appoġġja lill-Istati Uniti fil-gwerra kontra t-terroriżmu dritt wara l-attakki terroristiċi ta’ Settembru tal-2001 fuq l-ibliet ta’ New York u Washington. Intant, hu kien iffaċċja l-oppożizzjoni fuq livell domestiku minħabba din id-deċiżjoni.

Fl-2008, Musharraf  sofra disfatta elettorali u telaq mill-Pakistan sitt xhur wara. Meta hu, fl-2013, irritorna pajjiżu biex jikkuntesta l-elezzjoni kien inżamm taħt arrest waqt li spiċċa projbit minn dan il-proċess. Musharraf kien anki akkużat dwar tradiment lil pajjiżu u ngħata sentenza tal-mewt fl-assenza tiegħu – b’dan il-verdett jispiċċa annullat anqas minn xahar wara.

Pervez Musharraf, fl-2016, kien telaq mill-Pakistan lejn id-Dubaj biex jingħata trattament mediku u baqa’ jgħix hemmhekk f’eżilju sal-aħħar ta’ ħajtu.