MEP għandu ċ-ċans uniku li jadatta lill-Ewropa għall-bżonnijiet ta’ Malta
“Membru Parlamentari Ewropew għandu ċ-ċans uniku li jadatta l-Ewropa għall-bżonnijiet ta’ Malta. Din l-ambizzjoni ewlenija tiegħi. Irrid ukoll inqarreb lill-Maltin lejn l-Unjoni Ewropea partikolarment billi nara li l-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea jaslu għand kulħadd f’Malta kif ukoll, anzi speċjalment, f’Għawdex.
Il-Maltin u l-Għawdxin jeħtieġu politiċi li jwettqu politika rilevanti għalihom, li tindirizza l-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom, li tagħtihom opportunitajiet ta’ karriera, ta’ fondi, ta’ negozju u investiment, ta’ innovazzjoni, u ta’ suq kbir, fost l-oħrajn. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu politiċi li verament jirrappreżentaw ir-realtajiet tagħhom u li jiżguraw li l-politika tal-Unjoni Ewropea ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom fil-prattika mhux bil-kliem sabiħ biss.
Bl-esperjenza tiegħi fl-istituzzjonijiet Ewropej flimkien mal-kuntatt kontinwu tiegħi man-nies fl-irħula u l-ibliet, determinat li nista’ nwassal il-ġid tal-Ewropa fl-irkejjen kollha ta’ Malta, fil-ħajja tal-familji u n-negozji tagħna. Determinat ukoll li nkun leħen sod għall-Maltin kollha biex l-iżviluppi li jsiru fil-livell Ewropew ikunu mfassla wkoll skont il-bżonnijiet tal-Maltin, u mhux skont il-bżonnijiet ta’ pajjiżi oħra u jpoġġu lill-Maltin f’xi żvantaġġ.”
“Din l-elezzjoni hija okkażjoni biex bħala poplu nifhmu aħjar il-bżonnijiet ta’ Malta fl-Ewropa u kif nistgħu niġbdu ħabel wieħed – b’enerġija ġdida – biex inwettquhom f’ġieħ l-interess nazzjonali.”
Din id-dikjarazzjoni ferm importanti għamilha miegħi Peter Agius, l-ewwel kandidat li l-Partit Nazzjonalista approva uffiċjalment għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew programmati li jsiru f’Mejju tal-2024. Kien l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li approva, b’mod unanimu, il-kandidatura ta’ Peter Agius u sussegwentement tlabtu ftit reazzjonijiet u ħsibijiet dwar il-kandidatura tiegħu u l-isfidi li jara ’l quddiem.
Min hu Peter Agius?
Jien raġel tal-familja, miżżewweġ lil Mariella u għandna tliet subien. Inħobb ħafna l-ġnien u n-natura. Trabbejt f’familja bħal ħafna oħrajn fost 4 aħwa. Missieri kien impjegat taċ-ċivil u ommi mara tad-dar. Il-ġenituri tiegħi rabbewna fir-rispett ta’ kulħadd, bl-imħabba għall-kotba u fi stil ta’ ħajja sempliċi bejn baħar u mixjiet fil-kampanja.
Jien ukoll avukat, studjajt il-liġi fl-Università ta’ Malta u fl-Université Libre ta’ Brussell. Għal xi żmien kont lecturer tal-politika u l-liġi Ewropea f’għadd ta’ istituzzjonijiet u kont ukoll inkarigat għal bosta snin bħala negozjatur tal-liġijiet Ewropej fi Brussell, fejn ħdimt fuq negozjati fost l-oħrajn mill-oqsma tal-farmaċewtika, is-suq intern, l-online gaming u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Matul il-karriera tiegħi fl-istituzzjonijiet Ewropej, kont Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u kont ukoll membru fil-Kabinett tal-President Antonio Tajani. Illum naħdem bħala uffiċjal għoli mal-Parlament Ewropew, u ili bosta snin attiv fil-Partit Nazzjonalista. Fis-snin li għaddew kont il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, u llum qed ningħaqad ma’ sħabi l-Presidenta Roberta Metsola u David Casa u eventwalment kandidati oħra biex inservi lill-Partit bil-kandidatura tiegħi għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2024.
Għalija l-politika hija sejħa biex inwettaq dmiri bħala ċittadin, bħala Malti u bħala missier. Irrid nara Malta aħjar għal uliedi. Il-politika teħodlok ħinek kważi kollu. Biex inkun onest kieku nippreferi nuża aktar ħin għalija personali u għall-familja, però inħoss id-dmir li nagħti daqqa t’id għax pajjiżna għandu bżonn bidla, u din il-bidla tista’ tiġi biss billi ngħinu lill-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ u jasal aktar għand in-nies.
Għalfejn għażilt lill-Partit Nazzjonalista?
Il-viżjoni Ewropea tal-Partit Nazzjonalista mhix konvenjenza iżda konvinzjoni. Jien esperjenzajt mill-viċin ħafna l-isforz kbir u t-taqtigħa li għadda minnha pajjiżna biex irnexxielu jasal sas-sħubija fl-2004. Illum, għoxrin sena wara, inħares lura u nirrealizza t-triq twila li mxejna bħala pajjiż, bil-persważjoni li l-poplu jaf jagħraf il-ġid u l-ħtieġa li Malta tkun membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Minkejja li dawk huma esperjenzi passati, id-diffikultajiet li sibna sa ma wasalna ma nistgħux ninsewhom. Ir-rieda u d-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jaħtaf l-opportunitajiet ta’ sħubija sħiħa huma ispirazzjoni għalina li għexna dawk il-mumenti mill-qrib, u ispirazzjoni wkoll għall-ġenerazzjonijiet tal-lum.
Għażilt lill-Partit Nazzjonalista, mhux biss għax minn dejjem kien partit viżjonarju u pijunier fis-suċċess ta’ din il-viżjoni Ewropea, iżda għax il-valuri Ewropej tal-libertà, tal-ġustizzja, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tas-saltna tad-dritt, u l-benesseri tal-konsumatur huma tassew il-valuri tiegħu li qed iħaddimhom fil-politika li jfassal.
X’kontribut taspira li tagħti lil Malta fl-Unjoni Ewropea?
Membru Parlamentari Ewropew għandu ċ-ċans uniku li jadatta l-Ewropa għall-bżonnijiet ta’ Malta. Din l-ambizzjoni ewlenija tiegħi. Irrid ukoll inqarreb lill-Maltin lejn l-Unjoni Ewropea partikolarment billi nara li l-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea jaslu għand kulħadd f’Malta kif ukoll, anzi speċjalment, f’Għawdex.
Il-Maltin u l-Għawdxin jeħtieġu politiċi li jwettqu politika rilevanti għalihom, li tindirizza l-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom, li tagħtihom opportunitajiet ta’ karriera, ta’ fondi, ta’ negozju u investiment, ta’ innovazzjoni, u ta’ suq kbir, fost l-oħrajn. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu politiċi li verament jirrappreżentaw ir-realtajiet tagħhom u li jiżguraw li l-politika tal-Unjoni Ewropea ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom fil-prattika mhux bil-kliem sabiħ biss.
Bl-esperjenza tiegħi fl-istituzzjonijiet Ewropej flimkien mal-kuntatt kontinwu tiegħi man-nies fl-irħula u l-ibliet, determinat li nista’ nwassal il-ġid tal-Ewropa fl-irkejjen kollha ta’ Malta, fil-ħajja tal-familji u n-negozji tagħna. Determinat ukoll li nkun leħen sod għall-Maltin kollha biex l-iżviluppi li jsiru fil-livell Ewropew ikunu mfassla wkoll skont il-bżonnijiet tal-Maltin, u mhux skont il-bżonnijiet ta’ pajjiżi oħra u jpoġġu lill-Maltin f’xi żvantaġġ.
Din l-elezzjoni hija okkażjoni biex bħala poplu nifhmu aħjar il-bżonnijiet ta’ Malta fl-Ewropa u kif nistgħu niġbdu ħabel wieħed – b’enerġija ġdida – biex inwettquhom f’ġieħ l-interess nazzjonali.
Għedtilna li Malta teħtieġ rappreżentanza soda fil-Parlament Ewropew. X’qed tfisser biha din?
Issa li se nagħlqu għoxrin sena membri fl-Unjoni Ewropea wasal iż-żmien li nġeddu l-ambizzjoni kollettiva tal-Maltin fl-Ewropa. Hemm mijiet ta’ opportunitajiet Ewropej li nistgħu nwasslu għand il-Maltin u l-Għawdxin. Hemm ukoll bosta deċiżjonijiet u liġijiet li l-Gvern Laburista qed jiffirma bla ma jqis biżżejjed il-bżonnijiet partikolari tal-ħaddiema, tan-negozji u tal-familji Maltin.
Bħala poplu jeħtieġ nagħżlu l-aqwa sitt rappreżentanti minn fostna biex jirrappreżentawna fil-magna kumplessa tal-Unjoni Ewropea u mhux biex ikomplu jgħattu għall-abbużi u l-ineffiċjenzi ta’ Robert Abela. Għalhekk inħoss li huwa tassew kontroproduċenti għal pajjiżna li bħallissa għandu 4 MEPs mill-istess partit li qed fil-gvern u li qed inaqqar mid-drittijiet Ewropej f’Malta u jitlef l-okkażjonijiet fi Brussell.
Jiena se nistinka biex il-messaġġ tiegħi nwasslu lis-soċjetà Maltija kollha bla distinzjoni ta’ kulur jew opinjoni. Inwiegħed li ħidmieti fi Brussell mhux ser twaqqafni milli nżomm kuntatt kuljum man-nies, milli nżur u niltaqa’ mal-għaqdiet, mal-ħaddiema u ma’ min iħaddem biex nagħti widen għall-eżiġenzi tan-nies.
Barra minn hekk, niżgura li nkun għodda essenzjali għall-progress f’Malta billi nwassal il-vuċi tas-setturi varji tas-soċjetà u l-ekonomija Maltija fil-fora ewlenin tal-istituzzjonijiet. Neħtieġu MEPs iżjed kritiċi għall-gvern Malti meta jonqos milli jwassal id-drittijiet Ewropej f’Malta. Jiddispjaċini ngħid li ta’ spiss, li l-MEPs Laburisti saru estensjoni tal-magna Laburista li tgħatti l-ineffiċjenza u l-korruzzjoni.
U għalhekk, l-elezzjoni Ewropea li jmiss hi opportunità għalina biex inbiddlu din id-direzzjoni billi ntellgħu tliet MEPs mill-Partit Nazzjonalista li jpoġġu l-interessi taċ-ċittadini l-ewwel u qabel kollox.
“Enerġija Ġdida” hu s-slogan tiegħek. Għaliex għażilt dan il-messaġġ?
In-nies li nitħaddet u niltaqa’ magħhom kuljum qed jappellawli biex il-Partit Nazzjonalista jipprovdi enerġija ġdida ħalli nerġgħu nieħdu l-benefiċċji kollha mill-Unjoni Ewropea. Għandna bżonn enerġija ġdida wkoll għall-Partit Nazzjonalista li jeħtieġ kull appoġġ biex ikun jista’ jwettaq il-bidla u biex il-vuċi tagħna tasal għand kulħadd.
In-nies li niltaqa’ magħhom ta’ spiss jesprimu l-bżonn li nwasslu iżjed l-opportunitajiet tal-Unjoni Ewropea għand in-nies. Il-poplu Nazzjonalista jesprimi wkoll ambizzjoni kbira li nsaħħu l-vuċi tagħna fl-istituzzjonijiet Ewropej bi tliet siġġijiet għall-PN minn sitta disponibbli għal Malta, u li rridu naħdmu kemm nifilħu biex nikkonvinċu lill-Maltin kollha.
Jekk ningħata l-fiduċja, bħala Membru Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, jien inwiegħed li naħdem id f’id ma’ kulħadd biex niksbu l-aqwa riżultati għal Malta.
Inħoss li bil-ħidma tiegħi fl-aħħar snin tajt prova li dak li qed ngħid nemmnu u rrid inwettqu b’serjetà u determinazzjoni.
Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, nafu li fl-aħħar snin tkissret bil-kbir. Kif tista’ Malta fl-Unjoni Ewropea tistinka biex terġa’ tgħolli isimha?
Ir-reputazzjoni ma tinbeniex f’jumejn, għalkemm tista’ titfarrak f’tebqa t’għajn. Biex Malta terġa’ tikseb ir-reputazzjoni li kellha, hemm bżonn ir-rieda politika tal-gvern Malti, hemm bżonn il-ħila u l-kuraġġ tal-politiċi u tal-persuni fil-karigi pubbliċi, hemm bżonn qafas leġiżlattiv u infurzar, u hemm bżonn li jkollna l-aħjar rappreżentanti qed jitkellmu f’isimna.
Il-ħsara li ġrat lil pajjiżna hi minħabba taħlita ta’ elementi li bil-kompliċità tiegħu, il-gvern Laburista ħoloq jew ħalla għaddejjin. Hi minħabba sensiela twila ta’ skandli u provi ta’ korruzzjoni saħansitra f’Kastilja stess, u indubjament ukoll riżultat tal-impunità li rajna madwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-cover-up tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista u jien bħala kandidat impenjati bis-sħiħ biex b’kull mod possibbli, bil-kelma u l-konviżjoni, bil-ħidma eżemplari u bla heda, inkunu rappreżentanti denji li ngħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja f’Malta bħala Stat Membru serju.
Madankollu, din il-ħidma tkun inutli jekk il-Gvern Laburista ma jkunx kommess hu wkoll li jnaddaf isimna, u li jieħu l-passi meħtieġa għal dan il-għan.
Għidtilna li l-bidla ma tistax iġġibha waħdek, teħtieġ l-għajnuna tan-nies. Xi tgħidli dwar dan?
Il-bidla li jridu n-nies, tista’ titwettaq biss min-nies stess bid-deċiżjonijiet tagħhom. Jien qed nippreżenta lili nnifsi bħala kandidat biex inkun strument għal dak il-għan, biex nagħmel il-ġid u biex inġib il-bidla li jridu n-nies. U għalhekk għandi bżonn dejjem iżjed l-għajnuna mingħand in-nies.
U għalhekk, filwaqt li naħtaf iċ-ċans biex nirringrazzja lil dawk kollha li ġia qed jgħinuna, li min qed jaħdem qatigħ minn wara l-kwinti biex inwasslu l-messaġġ ta’ enerġija ġdida… naħtaf iċ-ċans ukoll biex inħeġġeġ u nħajjar oħrajn biex jingħaqdu miegħi f’dan il-vjaġġ u jagħmlu kuntatt miegħi. Irrid nisma’ mingħand in-nies, mill-iċken ħtieġa sal-akbar inġustizzja. Jiena lest noħroġ għonqi għalikom u nsegwi u naġixxi fuq dak li taqsmu miegħi.
Issa xi jmiss?
Fix-xhur li ġejjin ser inkun qed inħabbat ħafna bibien u nitlob l-appoġġ ta’ ħafna nies. Inħoss li l-pubbliku għandu dritt ikun jaf aħjar dak li naħseb u fejn irrid nasal bil-ħidma tiegħi għall-pajjiż u fil-PN. Għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se norganizzaw għadd ta’ attivitajiet biex kull min hu interessat, jiġi u jsaqsi dak kollu li jrid. Hekk, flimkien, nifhmu aħjar l-isfidi ta’ quddiemna u l-potenzjal sħiħ ta’ pajjiżna fl-Ewropa.
//= $special ?>