Internazzjonali

Is-Sudan t’Isfel: Il-Papa jħeġġeġ biex il-poplu jiċħad għal ‘kull ħjiel ta’ mibgħeda’

Il-Papa Franġisku ikkonkluda l-pellegrinaġġ għall-paċi fis-Sudan t’Isfel b’quddiesa fil-miftuħ li għaliha attendew l-għexieren tal-eluf tad-devoti. Waqt din il-quddiesa f’Juba, il-Papa ħeġġeġ biex in-nies ‘ma jispiċċawx ivvelenati bil-mibgħeda’ waqt li talabhom biex ma jitilfux opportunità għall-paċi f’kontinent li ilu s-snin mifni bit-taqlib u l-vjolenza.

Il-Kap tal-Kattoliċi anki wassal messaġġ speċifiku lill-Mexxejja tas-Sudan t’Isfel biex huma jagħmlu l-parti tagħhom ħalli l-poplu ma jarax aktar konflitti. Dan qabel hu indirizza lill-folla preżenti u qalilhom li ‘kien qed jirritorna lura f’Ruma bil-poplu Sudaniż f’qalbu’.

Ħafna mis-Sudaniżi Kattoliċi li qabel ikkampjaw għal sigħat fis-sit fejn saret il-quddiesa qalu, waqt l-intervisti, li dan kien mument ħieni u eċċitanti għalihom. Huma esprimew il-ferħ tagħhom talli l-Papa wasslilhom il-messaġġ ta’ paċi fost il-konvinzjoni tiegħu li s-Sudaniżi jistgħu jingħaqdu tassew bħala poplu.

Il-quddiesa kbira saret fil-John Garang Mausoleum quddiem udjenza ta’ 70,000 u fost id-dehra tad-devoti ferħanin ikantaw it-talb u jxejjru l-bnadar tal-Vatikan u s-Sudan t’Isfel. Iċ-ċerimonja reliġjuża kellha ssir fl-aħħar ġurnata taż-żjara tal-Papa fis-Sudan t’Isfel u li kienet anki l-ewwel żjara tiegħu f’dan il-pajjiż.

Mindu kiseb l-indipendenza fl-2011, is-Sudan t’Isfel kellu jgħaddi minn gwerra ċivili fit-tul wara li l-President tal-pajjiż kien kisirha mal-Viċi-President tiegħu, fl-2013. Minkejja ftehim għall-paċi li ntlaħaq fl-2018, kompliet il-vjolenza xprunata mit-tensjoni etnika u meta hu kalkulat li mietu ‘il fuq minn 400,000 b’riżultat tal-konflitt.

Minbarra l-Papa kienu qed iżuru wkoll il-pajjiż xi mexxejja oħra Kristjani, fosthom l-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby. Intant, il-Kap tal-Kattoliċi anki uża l-okkażjoni biex jitlob lill-kleru tas-Sudan t’Isfel biex isemma leħnu kontra l-inġustizzji f’pajjiżhom filwaqt li insista li l-kleru Sudaniż ma jistax jibqa’ newtrali quddiem ċerti sitwazzjonijiet inaċċettabbli.

Il-Papa Franġisku kien wassal messaġġ simili għal paċi u rikonċiljazzjoni meta hu żar lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo matul il-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-pellegrinaġġ fil-kontinent Afrikan.