Lokali

Kif David Casa kiseb żieda ta’ €55 miljun għall-familji Maltin u Għawdxin

Il-MPE Casa żied il-fondi għall-Maltin b’għaxar darbiet tul in-negozjati għall-Fond Soċjali għall-Klima 

“Skont il-pożizzjoni tal-istati membri, il-Maltin kienu se jaraw inqas minn €5 miljun. Irnexxielna nżidu dan l-investiment b’€55 miljun. Li jfisser li l-Maltin issa se jgawdu minn investiment globali fir-reġjun ta’ €60 miljun. Hija kisba sostanzjali. 

Fl-aħħar ifisser li tul in-negozjati, ksibna żieda ta’ aktar minn għaxar darbiet ta’ fondi li se jibbenefika minnhom il-poplu Malti u Għawdxi. 

Jiena fejn jidħlu affarijiet li minnhom se jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin, m’hemmx kantunieri. Se nagħmel minn kollox biex il-gwadanji kollha li jistgħu jaslu għand il-Maltin, jaslu għandhom bis-sħiħ. 

Nemmen li kien hemm każ b’saħħtu favur Malta u kuntent li lħaqt dan ir-riżultat. 

Irrid ngħid li gawdejt mill-kooperazzjoni tal-kollegi tiegħi Maltin, inkluż mid-deputati Laburisti li qablu li jimxu mal-linja tiegħi. Partikolarment sodisfatt bil-professjonalità tar-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Unjoni Ewropea li magħha ħdimt tajjeb ħafna.” 

Din id-dikjarazzjoni u aħbar fiha nnifisha ferm importanti għamilha miegħi l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa meta fil-jiem li għaddew tkellimna dwar il-ħidma li wettaq biex seta’ attira lejn Malta żieda ta’ €55 miljun biex pajjiżna jkun f’pożizzjoni aħjar fil-konfront tat-tibdil tal-klima li kulma jsir qed issir aktar prijorità globali. 

Li nikkumbattu t-tibdil tal-klima hija prijorità globali. Mil-latt tal-Unjoni Ewropea, il-Fond Soċjali għall-Klima – li kont responabbli tagħha inti – hija għodda prinċipali biex nikkumbattu l-effetti soċjali tat-tibdil tal-klima. Tista’ tispjega ftit l-ideat ta’ wara ħidmietek? 

Illum il-ġurnata d-dipendenza tagħna fuq l-enerġija li tniġġeż hija problematika aktar minn qatt qabel. Qiegħda ġġib magħha spejjez għall-ambjent u spejjez għan-nies. Din enerġija mhux biss li tniġġeż, imma li m’għadhiex affidabbli għal Malta meta tikkunsidra l-prezzijiet instabbli. Irridu nħarsu sew lejn alternattivi. 

Is-soluzzjoni hija li ninvestu f’enerġija sostenibbli, rinnovabbli, u f’miżuri innovattivi li jnaqqsu din id-dipendenza. L-investimenti li neħtieġu huma effettivi u effiċjenti għall-ekonomija. Irridu nibdew innaqqsu l-prezzijiet b’mod sostenibbli. U l-investimenti provduti mill-Fond Soċjali għall-Klima jilħqu eżattament dawn l-għanijiet. 

Wara aktar minn sena ta’ ħidma, ksibna qbil proviżorju bejn il-Parlament u l-istati membri rappreżentati mill-presidenza tal-Kunsill. Ikolli nammetti li kien ma kienx proċess faċli. Ħdimt b’determinazzjoni biex nara li r-riżultat se jkun ta’ benefiċċju kbir għal miljuni ta’ familji u negozji żgħar. Mhux biss Maltin iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea kollha. 

Il-Fond jagħti dimensjoni soċjali għall-isforzi tal-Unjoni Ewropea kontra t-tibdil fil-klima, u għalhekk huwa għal qalbi ħafna.  

Semmejt in-negozjati u l-ħidma diretta li wettaqt inti tul din l-aħħar sena. Xi tfisser din il-ħidma għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin? 

Ta’ sikwit niltaqa’ ma’ familji Maltin li jgħiduli li tant kemm qed togħla l-ħajja, qed jaraw il-kontijiet tad-dawl għoljin u żejda, tant li mhux ilaħħqu bil-pagi li għandhom. Dawn huma l-esperjenzi tal-familji tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

 Għalhekk ridna li bil-Fond Soċjali għall-Klima noffru soluzzjoni. Mhux biss soluzzjoni politika iżda anke finanzjarja li tgħin b’mod dirett lill-familji u lin-negozji ż-żgħar. 

Ma nistgħux nibqgħu ntawlu biex naġixxu kontra t-tibdil fil-klima. L-investimenti li hemm bżonn huma investimenti fit-tul, imma investimenti li jridu jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr. Il-bidla għall-enerġija aktar effiċjenti u rinnovabbli hija prijorità. 

Il-Fond Soċjali għall-Klima huwa inizjattiva multi-biljunarja biex niġġieldu l-isfidi soċjali li ġejjin mit-tibdil fil-klima. Ifisser li bl-investimenti u s-sapport mill-Fond, se nassiguraw li c-ċittadini jkunu aktar protetti mill-għoli tal-ħajja u mill-prezzijiet ogħla tal-enerġija. Il-Fond Soċjali għall-Klima jindirizza dawn l-isfidi.  

Parti mill-Fond se tmur biex tgħin lin-nies permezz ta’ sapport dirett fid-dħul tagħhom. Iżda l-għan ewlieni huwa l-investiment aktar fl-effiċjenza tal-enerġija. 

 Il-ħsieb li kellna meta ħdimna fuq dan il-Fond hu lin-nies għandhom jiggwadanjaw fit-tul u mhux ta’ darba. Meta ngħinu lin-nies iħallsu kont tad-dawl wieħed, dawn xorta se jkollhom iħallsu ta’ wara.  

Billi ninvestu fl-effiċjenza tal-enerġija, se nkunu qed ngħinu biex il-konsum jonqos fit-tul u anki l-ispiża fil-kontijiet tonqos. 

Il-benefiċċji huma bla qies. Tnaqqis fl-emissjonijiet u tnaqqis fil-piżijiet fuq il-familji u n-negozji ż-żgħar. 

Se nagħmlu dan possibbli billi l-investimenti jaslu għand dawk li mhux neċessarjament jaffordjawhom. 

Dawn l-għanijiet irridu nilħquhom billi ngħinu liċ-ċittadini bl-investimenti diretti. Bħal pereżempju ngħinu liċ-ċittadini jixtru u jinstallaw pannelli solari, jsaħħnu u jkessħu d-djar tagħhom b’air conditioners aktar effiċjenti, jixtru tagħmir aktar effiċjenti, u alternattivi elettriċi tat-trasport.  

Din il-ġimgha int ħabbart żieda straordinarja fil-fondi għal Maltin li rnexxielek takkwista int tul in-negozjati tiegħek. Kemm se jaslu fondi biex jiġu użati mill-Maltin u l-Għawdxin? 

Skont il-pożizzjoni tal-istati membri, il-Maltin kienu se jaraw inqas minn €5 miljun. Irnexxielna nżidu dan l-investiment b’€55 miljun. Li jfisser li l-Maltin issa se jgawdu minn investiment globali fir-reġjun ta’ €60 miljun. Hija kisba sostanzjali. 

Fl-aħħar ifisser li tul in-negozjati, ksibna żieda ta’ aktar minn għaxar darbiet ta’ fondi li se jibbenefika minnhom il-poplu Malti u Għawdxi. 

Jien fejn jidħlu affarijiet li minnhom se jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin, m’hemmx kantunieri. Se nagħmel minn kollox biex il-gwadanji kollha li jistgħu jaslu għand il-Maltin, jaslu għandhom bis-sħiħ. 

Nemmen li kien hemm każ b’saħħtu favur Malta u kuntent li lħaqt dan ir-riżultat. 

Irrid ngħid li gawdejt mill-kooperazzjoni tal-kollegi tiegħi Maltin, inkluż mid-deputati Laburisti li qablu li jimxu mal-linja tiegħi. Partikolarment sodisfatt bil-professjonalità tar-Rappreżentanza Permanenti Maltija għall-Unjoni Ewropea li magħha ħdimt tajjeb ħafna. 

David, dan hu bla dubju riżultat eċċellenti għall-Maltin u l-Għawdxin. Però kif qed tassigura li ma jkunx hemm abbużi? 

Ejja nibdew minn hawn: Dawn huma fondi għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Mhux għal Gvern Malti jew għal xi Ministru jew ieħor. Dawn huma fondi li ħafna Maltin u Għawdxin, kemm familji kif ukoll negozji żgħar, se jkunu qed jibbenefikaw minnhom. 

Aħna għamilna ċert li ninnegozjaw salvagwardji stretti ħafna biex nevitaw l-abbużi. Meta jintużaw dawn il-fondi, iridu juru li dawn huma flus l-Unjoni Ewropea. Ma jistgħux jagħmlu bihom li jridu.  

Inħoss li ħadt tagħlimiet minn fond ieħor li nnegozjajt fis-snin li għaddew. Meta kellna l-Fond Soċjali Ewropew, ma kellniex l-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO). Issa għandna uffiċju għassa speċifikament għall-abbużi. U fejn jinsabu l-abbużi, dawn se jitressqu. 

Qabelxejn, il-gvernijiet huma responsabbli li jħejju pjan dettaljat ta’ kif dawn il-fondi se jintużaw. Naqqaxna wkoll obbligu legali għall-gvernijiet kollha biex jkun hemm konsultazzjoni robusta mal-għaqdiet u l-istakeholders kollha. 

Inwiegħedkom li se nibqa’ viġilanti fuq il-gvernijiet, inkluż dak Malti, biex dawn il-fondi jintużaw kif suppost u mingħajr abbużi. Ċertament li din hija l-politika li għaliha eleġġewni l-votanti Nazzjonalisti. 

Jidher li sar xogħol bir-reqqa fuq il-Fond Soċjali għall-Klima. Intlaħqu bosta għanijiet importanti tul in-negozjati tiegħek. Kif kienet l-esperjenza tiegħek tul il-proċess? 

In-negozjati ma kienux faċli, imma kienu sforzi siewja, għaliex wassluna eqreb biex ikollna fond aħjar, fond aktar effettiv, u fond li se jkun ikbar milli stennejna. L-investiment kollu madwar l-Unjoni Ewropea se jkun ta €86.7 biljun tul seba’ snin, mistenni jibda fl-2026. 

Kienet esperjenza partikolari għaliex ħassejt mill-bidu nett li l-Maltin kienu preġudikati fl-ammont li kienu se jirċievu. Kelli d-dmir li nfiehem pożizzjoni soda u konvinċenti li c-ċittadini Maltin u Għawdxin kellhom dritt jibbenefikaw minn ammont ikbar li jixirqilhom. Emmint li kelli argument xieraq li nftiehem mill-kollegi, u li għalhekk jiena grat tal-kooperazzjoni li gawdejt minnha. 

Il-ħidma donnha qed tasal fi tmiemha biex ikollna dan il-fond approvat. X’inhuma l-passi li jmiss? 

Irridu niftakru li dan huwa qbil proviżorju u għad fadalli ħafna x’nagħmel biex nerbhu l-vot li jmiss. Qiegħed naħdem biex nikseb l-appoġġ tal-kollegi, kemm fil-kumitati, kif ukoll imbagħad fuq livell ta’ plenarja.