Internazzjonali

L-Istati Uniti: Iwaqqgħu l-bużżieqa taċ-Ċina fost il-protesti ta’ Beijing

L-Istati Uniti ħadet id-deċiżjoni biex twaqqa l-bużżieqa ġganteska taċ-Ċina li kienet ilha jiem iddur fuq l-artijiet tagħha u fost l-ispekulazzjoni li din kienet qed tintuża għal missjoni ta’ spjunaġġ fuq is-siti militari ewlenin tal-Amerikani.

Id-Dipartiment tad-Difiża f’Washington ikkonferma li l-fighter-jets tiegħu sparaw missila waħda biex iwaqqgħu il-bużżieqa fl-ibħra territorjali tal-Istati Uniti – bl-azzjoni tqanqal il-kundanna taċ-Ċina li, fi stqarrija, ipprotestat kontra ‘l-użu tal-forza fuq inġenju tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ’.

Il-filmati fuq il-mezzi tax-xandir urew il-bużżieqa waqt li kienet nieżla lejn il-baħar u wara li kienet seħħet splużjoni żgħira waqt l-intervent tal-ajruplani militari.

Il-bużżieqa niżlet ftit ‘il barra minn Myrtle Beach, f’South California u fejn il-militar Amerikan beda jirkupra l-fdaljiet mifruxa fuq 11-il kilometru ta’ baħar – fost l-appoġġ minn żewġ bastimenti tal-qawwiet navali tal-Istati Uniti.

Il-President Amerikan Joe Biden kien ilu taħt pressjoni biex ‘jelimina’ din il-bużżieqa u wara li l-Uffiċjali tad-Difiża Amerikani bdew isegwu l-vjaġġ tagħha minn fuq l-Istati Uniti f’nofs il-ġimgħa l-oħra, Min-naħa tiegħu, Biden qal li l-azzjoni fil-konfront tal-bużżieqa tmexxiet mingħajr l-intoppi waqt li bagħat messaġġ ta’ kongratulazzjoni lill-piloti involuti.