Futbol Sport

Premier League Ingliż : Tottenham Hotspur jegħlbu lil Man City u jagħmlu pjaċir lil Arsenal

Harry Kane issa hu l-aqwa skorer ta’ Tottenham Hotspur għal kull żmien, bl-attakkant internazzjonali Ingliż mill-ġdid isib ix-xibka għal rebħa minima, 1-0, fuq iċ-Champions Ingliżi Manchester City f’The New White Hart Lane.

Dan ir-riżultat mhux talli estenda s-sekwenza ta’ telfiet għas-Citizens f’dan il-grawnd iżda għen biex Arsenal – il-liders tal-Premier League u r-rivali eterni ta’ Spurs – iżommu l-vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-istess Citizens; bil-Gunners anki jilgħabu logħba anqas minnhom.

Intant, Kane, li kellu logħba oħra tajba, irnexxielu jikser ir-rekord tal-leġġendaraju Jimmy Greaves – sa ftit ilu l-aqwa skorer għal Spurs fl-istorja – meta, fil-15-il minuta, irċieva ballun perfett mingħand Pierre-Emile Hojbjerg u ma żbaljax minn quddiem il-gowlkiper, Ederson.

Il-gowl  intlaqa’ b’applawż kbir mill-partitarji li ħafna minnhom jiftakru meta Kane kien sab ix-xibka għall-ewwel darba bil-flokk ta’ Spurs, fil-15 ta’ Diċembru tal-2011. U b’dan il-gowl, il-200 wieħed għal Kane fil-Premier Ingliż, hu qed javviċina dejjem aktar lill-eks plejers Wayne Rooney ( b’208 gowl) u Alan Shearer (260) li għadhom l-aqwa żewġ skorers fl-istorja tal-Premier League Ingliż.

Manchester City – li issa tilfu l-aħħar tliet logħbiet fil-league u fit-tazzi barra minn darhom —  iddiżappuntaw bis-sħiħ u waqt li kellhom ħafna pussess huma sabu lill-plejers ta’ Spurs dejjem attenti biex jagħlqu l-ispazji, b’Kane,  Son u Kulusevski dejjem lesti għall-kontra-attakki veloċi.

City niżlu għall-konfront mingħajr Kevin de Bruyne u Ilkay Gundogan mal-ewwel ħdax waqt li Foden ukoll kien nieqes wara li ħassu ma jiflaħx.

Sadanittant, il-gowlkiper ta’ Tottenham, Hugo Lloris, kellu jilqa’ t-tentattivi ta’ Rodri u Julian Alvarez, b’Riyad Mahrez jolqot il-mimduda għal City fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Spurs komplew jiddefendu waqt li kienu wkoll perikolużi minkejja l-inklużjoni ta’ De Bruyne u (aktar tard) Gundogan. Dan meta s-Citizens bdew itellgħu il-blalen kontinwament mix-xellug permezz ta’ Jack Grealish – li kollox ma kollox kien imrażżan sew mill-‘marker’ tiegħu Emerson Royal.

Fil-fatt l-aħħar azzjonijiet tassew periklużi kienu ta’ Spurs, b’Ben Davies ifalli l-bersall b’header b’saħħtu u b’Ederson jiċħad lil Harry Kane mit-tieni gowl tiegħu.

Fl-ewwel logħba tal-programm, Nottingham Forest għelbu lil Leeds United, 1-0, fis-City Ground biex komplew jitbiegħdu mill-periklu lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika.

Sadanittant, Leeds jinsabu bl-istess punteġġ bħal Everton (18) – it-tielet tim mill-aħħar– u meta l-Yorkshiremen għandhom differenza ta’ gowls superjuri għat-Toffees.

Leeds bdew mill-avversarji u l-gowl li deċieda l-konfront wasal kontra x-xejra tal-logħob, meta Brennan Johnson sab ir-rokna tax-xibka wara biss 14-minuta u wara li d-difiża avversarja naqset milli tikklerja freekick perikoluż mil-lemin.

Minn dak il-ħin, Leeds bdew iħabbtu fuq il-bieb u Forest għandhom għalfejn jirringrazzjaw lill-gowlkiper veteran Keylor Navas – misluf mingħand Paris St-Germain u li kien qed jiddebutta fil-Premier League Ingliż – li fl-ewwel taqsima newtralizza t-tentattivi insidjużi ta’ Wilfried Gnonto, Luke Ayling u Luis Sinisterra.

Madankollu, fit-tieni taqsima Leeds bdew isibuha aktar diffiċli biex iħabbtu d-difensuri ta’ Forest, bit-tim ta’ Steve Cooper – li jiem ilu kien eliminat fis-semi-finali tal-Carabao Cup ma’ Manchester United — jiddefendi r-riżultat utli għat-tielet rebħa tagħhom fl-aħħar ħames impenji tal-ogħla kampjonat.

Filwaqt li Forest  qegħdin jokkupaw it-13-il post fil-Premier Ingliż, Leeds Utd, issa ilhom mingħajr rebħa fil-league għal seba’ logħbiet u meta hemm dubji kbar dwar il-futur tal-manager Amerikan Jesse Marsch.