Lokali

Quddies fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Eddie Fenech Adami

It-Tlieta, Eddie Fenech Adami jagħlaq 89 sena… snin iddominati mill-ħidma favur id-demokrazija f’pajjiżna qabel ma sar Missier Malta Ewropea.

Jumejn qabel din il-ġurnata – bħalma ilu jsir għal kważi 40 sena – il-qraba u ħbieb qrib Eddie ltaqgħu għal quddiesa fid-Dar tal-Providenza, iċċelebrata minn Dun Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar fejn preżenti kien hemm ukoll fost oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-Sinjura tiegħu AnneMarie Grech.

It-Tlieta li ġej, propju f’għeluq sninu, fuq Net Television se jkun qed isir programm speċjali bis-sehem ta’ diversi mistiednin sabiex jitfakkar tant speċjali.

Eddie Fenech Adami twieled fis-7 ta’ Frar tal-1934 f’Birkirkara. Hu kien miżżewweġ lil Mary u kellhom ħamest itfal.

Fl-1977 hu kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja ta’ Ġorġ Borg Olivier u mexxa u rebbaħ lill-Partit fl-elezzjoni ġenerali tal-1981. Madankollu, il-Gvern Laburista tal-Perit Mintoff baqa’ jmexxi kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu.

Matul il-karriera politika tiegħu, Eddie Fenech Adami spiċċa fil-mira ta’ attakki koroh, fosthom dakinhar tat-Tnejn l-Iswed, meta daru spiċċat attakkata u mkissra, filwaqt li ommu, martu u uliedu spiċċaw imsawta.

Iżda għal dan kollu, Eddie Fenech Adami dejjem irreaġixxa bir-rikonċiljazzjoni … sakemm f’Mejju tal-1987, kien elett għall-ewwel darba bħala Prim Ministru u ra li pajjiżna jerġa’ jikseb lura d-demokrazija u l-libertà li tant kienu neqsin.

Eddie Fenech Adami reġa’ kien elett Prim Ministru fl-1992, fl-1998 u fl-2003. Matul dawn is-snin, hu ħadem flimkien ma’ politiċi kbar oħrajn tal-Partit Nazzjonalista – fosthom Guido Demarco – biex pajjiżna seta’ jsir Membru Sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Fix-xhur ta’ wara, serva għal ħames snin bħala President ta’ Malta, sal-2009, biex temm il-karriera fix-xena pubblika fl-ogħla kariga tal-pajjiż.