Lokali

Robert Abela jinjora t-tħassib tal-poplu

Pressjoni mill-poplu Malti u Għawdxi u issa anke pressjoni interna fi ħdan il-Partit Laburista… kollha jappellaw lill-Prim Ministru Robert Abela biex jerġa’ jikkunsidra l-emenda li jrid idaħħal fil-Parlament li se tkun qed tintroduċi l-abort.

Iżda Abela qed jibqa’ jagħżel li jinjora dak li l-poplu jixtieq… minkejja li qed jinsisti li dan hu Gvern li jisma’.

Anke diversi għaqdiet, inkluż il-Partit Nazzjonalista, kemm ‘il darba appellaw lill-Gvern biex jiddiskuti din l-emenda… iżda diversi esperti u akkademiċi qed jibqgħu jinsistu li Abela qed jibqa’ jistina rasu…tant li matul l-attività politika tal-Labour fil-Każin Laburista fl-Imġarr injora għal kollox din is-sitwazzjoni.

Dan filwaqt li l-backbencher tal-Labour Rosianne Cutajar, fid-diskors tagħha ftaħret li din il-liġi tiffoka fuq is-saħħa tal-mara iżda fl-ebda mument ma ftakret fil-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

Intant, matul id-diskors tiegħu, Robert Abela qal kif in-negozji f’pajjiżna għaddejjin tajjeb… minkejja li fl-aħħar jiem, stħarriġ li sar mill-Kamra tal-SMEs wera kif 61% tal-imprendituri indikaw li din is-sena se tkun l-istess jew agħar mis-sena ta’ qabel filwaqt li 8 minn kull 10 jħossu li kawża ta’ żieda esaġerata fil-prezzijiet tal-prodotti jew materjal mhix se tħallihom jespandu l-operat tagħhom.

U filwaqt li Abela huwa maqtugħ mir-realtà li l-poplu Malti u Għawdxi għaddej minnha… Rosianne Cutajar għażlet li tibbaża d-diskors tagħha fuq attakk partiġġjan kontinwu wieħed wara l-ieħor.

“Meta tħares f’għajnejhom dawn jitilqu ‘l hemm,” qalet Cutajar. “Dawn huma cowards dawk li huma.”

U sa dan it-tant, kemm Rosianne Cutajar u anke Robert Abela għażlu li jinjoraw id-diversi kwistjonijiet li tant qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna… fosthom is-sigurtà fit-toroq, l-inkjesta pubblika li l-Gvern tal-Labour qed jirrifjuta li jiftaħ b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia… filwaqt li ġiet injorata wkoll il-kwistjoni tal-Ministru Byron Camilleri rigward il-fatt li għal darba darbtejn naqas milli jissospendi lid-Direttur tal-Ħabs, in-nefqa eżorbitanti tal-Ministru Clayton Bartolo…u l-hekk deskritta mill-esperti inkompetenza tal-Ministru Aaron Farrugia.

Iżda fi kliem id-Deputat Rosianne Cutajar donnu li minkejja kollox, se jibqgħu jaqbżu għal xulxin.

“We have each other’s back,” qalet Cutajar.