Inter v Milan 1-0
F’ġurnata mimlija logħob, Inter ħarġu rebbieħa fid-Derby della Madonnina kontra Milan b’gowl fl-ewwel taqsima ta’ Lautaro Martinez ikun biżżejjed biex jissiġilla rebħa għan-Nerazzuri.
Il-gowl wasal fl-34 minuta mill-attakkant Arġentin u l-captain għal din il-partita Lautaro Martinez meta żmarka ruħu tajjeb u irnexxielu jsib il-lasta b’ daqqa ta’ ras minn korner preċiz fuq l-ewwel lasta ta’ Calhanoglu.
Inter ħasbu li rduppjaw l-iskor fit-83 minuta meta Romelu Lukaku sab ix-xibka minn pass ta’ Bastoni, madankollu l-attakkant Belġjan kien jinsab f’pożizzjoni irregolari.
Għat-tieni darba fil-partita Inter ħasbu li skurjaw it-tieni gowl, din id-darba fid-90 minuta meta Lautaro Martinez għeleb lil Tatarusanu minn pass ta’ Lukaku, pero għal darb’oħra l-gowl ma kienx jgħodd hekk kif Martinez kien jinsab f’pożizzjoni irregolari.
Spezia v Napoli 0-3
Napoli komplew il-forma impekkabli tagħhom fil-kampjonat, u komplew juru għalfejn jinsabu fil-quċċata tal-klassifika b’rebħa komda fuq Spezia bl-iskor ta’ 3-0.
Tlett gowls fit-tieni taqsima kienu deċiżivi fir-rebħa ta’ Gli Azzuri, bl-ewwel gowl jasal fl-ewwel ftit minuti tat-tieni taqsima, meta Khvicha Kvaratskhelia għeleb għal kollox lil Dragowski minn penalty li ngħata minħaba handsball kontra d-difensur ta’ Spezia Reca.
Napoli rduppjaw l-iskor fid-69 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-attakkant Victor Osimhen minn żball tad-difensur ta’ Spezia Ethan Ampadu.
It-tielet gowl wasal fit-73 minuta meta l-istess Victor Osimhen xeħet ġewwa minn kross pinġut ta’ Kvaratskhelia. Permezz ta’ dan il-gowl, Osimhen kompla jkabbar id-distakk fil-klassifika ta’ l-aqwa skorer tal-kampjonat, hekk kif jinsab fl-ewwel post b’16-il gowl, filwaqt li Ademola Lookman ta’ Atalanta jinsab fit-tieni post b’12-il gowl.
Torino v Udinese 1-0
Fit-tieni partita tal-ġurnata bejn Torino u Udinese, gowl fid-49 minuta kien biżżejjed biex jagħti rebħa lil Torino.
L-ex attakkant ta’ Inter Yann Karamoh kien l-awtur tal-gowl hekk kif ikkonkluda b’xutt kalm u preċiż minn kross perfett tad-difensur laterali Aina ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima
Fiorentina v Bologna 1-2
Bologna kisbu rebħa importanti f’partita missielta kontra Fiorentina bl-iskor ta’ 2-1.
Kienu Bologna li fetħu l-iskor wara 14 minuta logħob meta t-talisman ta’ Bologna Riccardo Orsolini xeħet ġewwa minn penalty li wasal minn handsball ta’ Barak.
Fiorentina kisbu d-draw ftit minuti wara permezz ta’ Riccardo Saponara li sab ix-xiba minn kross ta’ Gonzalez, u b’hekk iż-żewġ timijiet daħlu għal ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 1-1.
Bologna skurjaw il-gowl tar-rebħa fis-47 minuta permezz ta’ korner mogħti minn Riccardo Orsolini li sab lid-difensur ċentrali Stefan Posch li żmarka ruħu u tefa’ ġewwa.
//= $special ?>