Internazzjonali Mużika

Beyoncé tikser rekord waqt il-65 Edizzjoni tal-Grammy Awards

Beyoncé kisret rekord fl-istorja tal-Grammys hekk kif il-Ħadd waqt is-65 edizzjoni tal-Grammy Awards rebħet it-32 Grammy matul il-karriera tagħha.

Barra minn hekk il-kantant ta’ fama internazzjonali Harry Styles rebaħ wieħed mill-akbar premji tas-serata hekk kif rebaħ il-Grammy għall-aqwa album tas-sena.

Waqt id-diskors tiegħu Harry Styles qal lill-udjenza li dan l-album kien l-isbaħ esperjenza ta’ ħajtu – mill-bidu sa tmiemu. Barra minn hekk, huwa qal li għalkemm jinsab onorat b’dan il-premju huwa fakkar li fl-industrija tal-mużika m’hemmx l-aqwa mużika għaliex kulħadd għandu l-istil differenti tiegħu.

Matul din is-serata Harry Styles rebaħ ukoll l-Grammy għall-aqwa pop album.

Waqt is-serata Beyonce żgur se tibqa’ mfakkara fl-istorja tal-Grammys hekk kif rebet it-32 wieħed fil-karriera tagħha fejn waqt id-diskors tagħha hija qalet li tinsab verament onorata għal dan il-premju.

Adele rebħet il-Grammy għal-aqwa pop solo performance għad-diska Easy On Me fejn iddedikat dan il-premju għal binha Angelo.

Artisti ta’ fama internazzjonali fosthom Lizzo, Kendrick Lamar u Sam Smith ukoll rebħu Grammy waqt din is-serata. Fost l-oħrajn Sam Smith rebaħ flimkien mal-kantanta Ġermaniża Kim Petras għad-diska Unholy fejn Petras hija l-ewwel persuna transgender li rebħet Grammy.

Intant, waqt is-serata kien hemm diversi wirjiet minn diversi kantanti li jkomplu jagħtu l-ħajja lis-serata tant popolari tal-Grammys fejn fost l-oħrajn kien hemm wirja mill-isbaħ hekk kif fuq il-palk kien hemm ‘il fuq minn 20 rapper li tellaw spettaklu sabiex jiċċelebraw 50 sena tal-mużika hip-hop.