Lokali Qorti

“Ħariġha mill-karozza qisu kellu xi pupa u spara tiri b’senter”- xhud li kien fuq il-post

“Ħsibtu ‘road rage’. Rajt raġel li l-ewwel beda’ jsabbat mal-karozza b’oġġett iswed u wara ħareġ mara mill-karozza. Beda jmexxiha u jilgħab biha biha qiesu kellu xi pupa.” Wara poġġiha mal-karozza”, u ċempilt għall-ambullanza għax ir-raġel beda jsawwatha b’idejh u hi bdiet tgħajjat għal għajuna.

“L-oġġett iswed li kien qisu ħadida” u wara ndunajt li kien arma tan-nar. Niftakar li sakemm mort biex inġib il-mowbajl, smajt żewġ tiri ta’ senter u rajt lill-vittma mimduda mal-art u l-akkużat jaħrab mill-post bil-karozza tiegħu. Ċempilt darbtejn fuq in-numru 112.”

Din kienet ix-xhieda xokkanti ta’ Claude Galea li nzerta fiż-żona fil-ħin li twettaq ir-reat ta’ qtil ta’ Bernice Cassar. Tenna li kien it-22 ta’ Novembru 2022 fit-7.45am waqt li kien qed jagħmel xi xogħol l-MCAST u waqt li dak il-ħin kien qed jitkellem ma’ kollega meta nnota raġel “b’oġġett iswed f’idejh.”  

Galea qal li l-qtil seħħ kollu fuq in-naħa tax-xufier tal-karozza tal-vittma. Mistoqsi x’sema’, Galea qal li seta’ jinnota li ġie sparat senter għax kien kaċċatur u llum huwa membru ta’ klabb tal-isparar.  Tenna li r-raġel beda jkaxkarha minn kullimkien biex joħroġha mill-karozza u l-mara kienet totalment mitlufa minn sensiha.

Ir-raġel anke ta daqqtejn ta’ ħarta lill-vittma imma ma jiftakarx kemm eżatt kemm damet tgħajjat għall-għajnuna l-mar. L-oġġett iswed kien ħarġu mill-karozza tiegħu u bil-mod kif żammu deher biċ-ċar li kienet arma tan-nar, Ir-raġel kien qed jipponta l-arma fuq il-vittma filwaqt li bl-id l-oħra beda jkeċċi l-karozza ‘l hemm. Galea qal li hu iżda ma rax lill-akkużat jasal fuq il-post tar-reat u jpoġġi l-vittma lura fil-karozza.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi ta’ Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil martu Bernice Cassar ta’ 40 sena, fit-22 ta’ Novembru li għadda f’Raħal Ġdid.

L-akkużat kien l-ewwel persuna li ġiet akkużata b’femiċidju volontarju, verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju. L-unika differenza fil-liġi bejn femiċidju u omiċidju hija li tneħħa l-kunċett tal-“crime of passion” (reat li jkun seħħ waqt passjoni stantanja) fejn jidħlu l-irġiel.

Wara Galea xehdet Jeanette Cachia li qalet li dakinhar kienet fl-uffiċċju tagħha fl-MCAST meta semgħet persuna tgħajjat u sparatura. Hi rat mit-tieqa tal-uffiċċju mara tibki bilqiegħda ma’ rota ta’ karozza filwaqt li quddiemha kien hemm raġel bil-wieqfa.  Wara li niżlet mill-uffiċċju tagħha hi semgħet żewġ tiri oħra. Qalet li rat lil dan ir-raġel, l-akkużat, jipponta l-arma lejn il-vittma.

Sarah Ann Baldacchino kienet ix-xhud li jmiss li qalet li dak inhar kienet fl-uffiċċju tagħha fl-MCAST meta semgħet tliet tiri u kollega tgħajjat. Din il-kollega hija Jeanette Cachia li xehdet qabilha u din bdiet tgħajjat “qatilha, qatilha”. Ix-xhud qalet li ċemplet fuq 112 u din qalulha li diġà kienu nfurmati bil-każ.

Victor Psaila kien persuna oħra li nzerta kien fuq il-post meta seħħ id-delitt. Qal li għall-ħabta tat-8.15am kien tiela’ t-telgħa tal-fabbrika li jaħdem fiha u ra żewġ karozzi. Hu ġie avviċinat minn raġel li talbu biex jirriversja u li ma jafx min hu. Qal li sema’ minnu u telaq minn fuq il-post.

Qal li pero ma jiftakarx aktar. Il-Maġistrat Mifsud qal lix-xhud li ma jistax ikun li nesa dak li kien ra u qallu li lest kulħadd jibqa’ fl-awla sakemm jibda jiftakar. Psaila hawn qal li ra r-raġel joħroġ il-mara mill-karozza imma ma jiftakarx ħafna aktar. Tenna iżda li ra lir-raġel jiġbed il-mara minn spallitha biex joħroġha mill-karozza.

Qal li dak il-ħin, ir-raġel ma kellu xejn f’idejh u li qal b’kollox lill-imgħallem tiegħu, Kenneth Mallia, b’dak li ra. Psaila xehed li r-raġel u l-mara dehru jargumentaw u r-raġel, li kien bil-wieqfa, ħareġ il-mara mill-karozza u talbu jirriversja. Il-Maġistrat qal lix-xhud li ma jistax ikun li ma jiftakarx wiċċ l-akkużat u hawn staqsieh kemm-il darba ra inċidenti bħal dawn u qal lil Psaila li qed ikun wisq selettiv f’dak li qed jiftakar.

Xhud ieħor li ukoll kien fil-post tal-inċident kien Mark Anthony Cauchi, li kien fuq xogħol f’Kordin u meta ma sabx il-ħaddiema tiegħu, mar ifittixhom u sema’ li seħħet sparatura. Qal li dak inhar ċempel ambulanza.

Ra persuna tikkarga arma tan-nar għal darba darbtejn u tispara kull darba

Tela’ wkoll fuq il-pedana tax-xhieda Kenneth Mallia li huwa Direttur ta’ kumpanija u nzerta fuq il-post tat-reat. Qal li waqt li kien ħiereġ minn fabbrika f’Kordin ġie nfurmat minn kollega li ra mara tissawwat minn raġel. Malli niżel, hu nzerta raġel, li jismu Pawlu li qallu biex ma jmurx ħdejn l-akkużat “għax kien ħa joqtolha”.

Ix-xhud sostna li ra l-karozza tal-vittma u persuna bil-wieqfa ħdejn persuna oħra. Innota li l-persuna bil-wieqfa tikkarga arma tan-nar u spara darba. Hu reġa’ kkarga u reġa spara. Mallia tenna li b’kollox sema’ żewġ tiri u waqt li kien qed javża xi persuni fl-akwati biex jitilqu minn hemm, hu sema’ t-tielet tir. Huwa qal li ma setax jara l-mara peress li hi kienet taħt il-bieba tal-karozza imma seta’ jara l-arma tiġi kkargata ‘l fuq mill-bieba tal-karozza.

Lejlet il-qtil kien se jinħareġ mandat t’arrest għal Roderick Cassar

Lejliet il-qtil ta’ Bernice Cassar kien se jinħareġ mandat t’arrest fil-konfront ta’ żewġha Roderick Cassar. Is-Surġent Charlene Calleja, stazzjonata fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Calleja qalet li fil-21 ta’ Novembru 2022 fis-7.10pm kienet marret il-vittma f’din it-taqsima biex tagħmel aġġornament fuq ir-rapport li kienet fetħet kontra żewġha fl-14 ta’ Novembru.

Dan għaliex l-akkużat kien kiteb fuq Facebook “Revenge is a must” u niżżel isem martu u “Anthony” li kien kollega tal-vittma. Bernice Cassar kienet ġiet infurmata b’din il-kitba minn oħtha. Sadanittant Roderick Cassar kien ċempel id-dar ta’ omm il-vittma u qal lil binhom ta’ tmien snin li se jispiċċa” l-ħabs. Il-vittma qalet lill-Pulizija li Roderick Cassar ried ikompli r-relazzjoni akkost ta’ kollox u dan għaliex kien ta’ spiss iċemplilha u jgħidilha – “minkejja li kissirtni, rrid nibqa’ miegħek”.

Dwar il-mandat ta’ arrest L-avukat Stefano Filletti, avukat tal-parte civile staqsa dwar ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u s-Surġent tirrispondi li dan ħareġ f’Lulju 2022. Dwar dan qalet li ma tafx jekk inħariġx mandat ta’ arrest. L-avukat Franco Debono, li qed jidher għal-akkużat, staqsa dwar it-telefonati mill-akkużat lil martu, bix-xhud tgħid li l-vittma kienet qaltilha li żewġha kien iċemplilha biex jipprovaw jirranġaw u mhux dwar it-tfal minkejja l-ordni tal-protezzjoni. Meta kienet tgħidlu li ma tridx taf kien xorta jibqa’ jċemplilha.  

Xhud ieħor kien is-Surġent Evan Grech, stazzjonat fit-Taqsima tal-Pulizija tal-Komunità. Qal li fil-31 ta’ Mejju, meta kien għadu stazzjonat fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Il-vittma kienet qalet li fil-25 ta’ Mejju kienet ġabret lit-tfal mill-iskola u kien ċemplilha biex jeħodhom għal tliet ġimgħat “kif għamlet hi”. Il-vittma qalet li żewġha beda jagħtiha fastidju u ħa t-tfal għand id-dar ta’ ommu fejn reġa’ ċemplilha u beda jibkilha biex jirranġaw ir-relazzjoni.

Grech qal li Il-vittma qaltlu kif f’Mejju tas-sena l-oħra, l-akkużat kien ħadilha l-mowbajl quddiem it-tfal u kien saħaq li kienet qed taqlibielu u talabha tmur lura d-dar biex jerġgħu jingħaqdu bħala familja. Il-vittma qaltlu li kienet beżgħet minn żewġha għax spiċċa aggressiv. Mistoqsi mill-avukat Debono, ix-xhud qal li ma jafx x’kienet tirrispondi l-vittma meta żewġha kien jgħidilha biex jirranġaw.

Xhud oħra fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kienet Whitney Hili li qalet li fil-25 ta’ Mejju 2022 kienet marret il-vittma biex tagħmel rapport kontra żewġha u staqsiet jekk ir-rapport kienx iwassal għall-Qorti. Hili ippreżentat dan ir-rapport lill-Qorti.

Xhud ieħor kien il-Kuntistabbli Melvin Galdes li wkoll huwa stazzjonat fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Qal li kien involut fir-rapport li għamlet il-vittma kontraż żewġha fit-8 ta’ Mejju. Bernice Cassar kienet qalet li r-relazzjoni ddetorjat f’Marzu meta żewġha kien jgħidilha li mhux se jdum barra u biex ma jsirx vizzju u li joħroġ mingħajr ma jgħidilha. Galdes qal li hi kienet qaltlu li fit-12 ta’ April waslet lura d-dar u kellha argument ma’ żewġha għax kien gidbilha. Matul l-argument, skont hi l-akkużat taha daqqa b’basket

L-avukati tal-parte civile staqsa dwar ir-rapport fit-8 ta’ Mejju 2022 meta l-akkużat poġġha sikkina ma’ għonq martu. Is-Surġent wieġeb billi qal li sar “risk assessment” fejn instab li r-riskju kien wieħed ta’ 11 li jfisser riskju medju u b’hekk ġie nfurmat l-Ispettur.

Cassar kien intalab imur fl-Għassa tal-Pulizija fejn għażel li jeżerċita d-dritt għas-silenzju u nħarġu l-akkużi kontrih. Ix-xhud tenna li ma kienx jaf jekk il-Pulizija ħassitx il-bżonn li l-akkużat jitressaq il-Qorti b’arrest. Ix-xhud qal ukoll li minkejja li r-rapport ma kienx “high risk”, xorta ħass il-bżonn li jinforma l-Ispettur u dan qallu biex jibgħat għall-akkużat.

Il-vittma kienet qalet lil żewġha biex ma joħroġx ma’ sħabu mingħajr ma jgħidilha u li kien hawn li bdiet tiddeterjora r-relazzjoni. L-akkużat kien ukoll qal lil ibnu li ommu għandha wiċċ ħaddieħor, qal ix-xhud. Il-Kuntistabbli Deyna Sultana , wkoll stazzjonata fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika qalet li hi ħadet ir-rapport tal-vittma fl-14 ta’ Novembru 2022 li kienet marret mal-avukat tagħha Marita Pace Dimech fejn qalet li l-akkużat kien kiser ordni ta’ protezzjoni.

Jiem qabel kien saq warajha, waqqafha u beda jsabbat mal-karozza

Il-vittma qalet li kienet fil-Berġa tas-Saħħa tal-Furjana meta inzertat lil żewġha li qalilha li ma kien se jagħmlilha xejn u talabha għall-mowbajl, dan għamlu biex jara li ħadd mhu qed jibgħatilha. Hu beda jsuq warajha fejn waqqafha u beda jgħajjat u jsabbat mal-karozza.

Darba waħda, l-akkużat ċempel lill-vittma u rrispondiet l-avukat li nfurmatu bl-ordni ta’ protezzjoni. Ix-xhud ikkonfermat li l-akkużat staqsa għat-tfal meta kien iċempel lill-vittma imma hi kienet tistqarr li kien iċempel biex ikellimha u mhux biex ikellem lit-tfal.

Il-Kuntistabbli Andy Borg, stazzjonat fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika qal li fl-14 ta’ Lulju Bernice Cassar għamlet rapport li sitt ijiem qabel żewġha kien heddidha b’ħajjitha u li dik il-ġurnata, fl-Isptar Mater Dei, kien reġa’ heddidha b’ħajjitha u kkawżala ħsara fuq il-karozza.

Rigward l-investigazzjoni wara li sar ir-rapport, il-Kuntistabbli qal li l-akkużat kien issejjaħ l-Għassa tal-Pulizija fejn eżerċita d-dritt għas-silenzju. Hu kkonferma li l-akkużat kien ħareġ mill-isptar iżda ma jafx dak li ngħad kien ilu xahar u nofs fl-isptar.

Ix-xhud qal li l-vittma ma qaltlux kemm kien ilu fl-isptar. Hawn l-avukat Franco Debono irrimmarka li b’hekk allura ma setax jara lil uliedu. Il-vittma kienet qalet li ma xtaqitx tieħu lit-tfal l-isptar minħabba l-mard għax ma kienx post addattat għalihom.

Ix-xhud qal ukoll lo skont il-vittma żewġga beda jheddidha b’ħajjitha u hi bblokkjat in-numru tiegħu.  Fuq aktar mistoqsijiet ix-xhud qal l ma jafx għalfejn il-vittma ħadet lit-tfal biex jaraw lil missierhom fl-14 ta’ Lulju u qatt ma sar jaf bir-raġun għalfejn ma riditx tieħu lit-tfal fit-8 ta’ Lulju, tant li bblokkjatlu n-numru.

Ix-xhud qal li qatt ma staqsa lill-vittma għalfejn ma riditx tieħu lit-tfal jaraw lil missierhom jew li ta’ spiss kienet iċċaħħdu mit-tfal. Xehed ukoll is-Supretendent Keith Arnaud li qal li fit-22 ta’ Novembru ġie nfurmat dwar l-omiċidju f’Raħal Ġdid u mar il-Qrendi fejn kien hemm l-akkużat id-dar tiegħu. Tenna li l-Pulizija bdew jinnegozjaw mal-akkużat li kien armat b’senter u li l-biża kienet li se jispara fuqhom jew fuqu nnifsu.

Kien fis-2.30am il-Pulizija daħlu fid-dar fejn ordnawlu iniżżel l-arma u arrestawh. Arnaud qal li kien innota tir ta’ senter fil-bieb ta’ ġewwa u aktar skrataċ fuq il-mejda tal-kċina.

L-ewwel xhud tat-Tnejn kien Stephen Cachia uffiċjal minn Transport Malta, li qal li saret riċerka dwar il-liċenzja tal-vettura tal-akkużat. Din kienet ġiet revokata fis-sajf li għadda għal 60 ġurnata. Id-data ta’ meta kienet rivekota hija l-20 ta’ Ġunju 2022. Għaldaqstant fil-ġurnata li allegatament qatel lil martu kien eliġibbli li jerġa’ jsuq. Xhud ieħor kien l-espert Joseph Mallia, li qal li kienu ttieħdu marki tas-swaba’ tal-imputat.

Fil-bidu tas-seduta ħareġ li tressaq rikors mill-familja ta’ Bernice Cassar biex jieħdu kopja tar-ritratti tat-tfal u biex tkun rilaxxata giżirana u ċappetta li kienet liebsa Cassar fil-jum tad-delitt. Ir-rikors sar mill-parte civile. Id-difiża u l-Prosekuzzjoni m’oġġezzjonawx għal dawn it-talbiet. Ir-rikors intlaqa’ mill-partijiet kollha. Il-Qorti għalhekk ordnat li tiġi rilaxxata l-ġiżirana u ċappetta li kienet liebsa Bernice Cassar dakinhar li ntqatlet. Għaldaqstant It-talbiet tal-familja ntlaqgħu.

Minbarra l-akkuża ta’ femiċidju, Roerick Cassar qed jiġi mixli wkoll li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess. Akkużi oħra jinkludu s-serq tal-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation u li insulta terza persuna – maħsuba li kien ċivili li kien ipprova jintervjeni filgħodu dak inhar tal-qtil. Fl-aħħar nett, huwa qed jiġi mixli allegatament ffastidja wkoll lil Bernice Cassar  fil-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel il-qtil.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kumpilazzjoni tkompli għada t-Tlieta fl-10am.