Internazzjonali

Iċ-Ċina: Tispjega dwar ‘bużżieqa oħra’ fuq l-Amerika Latina

Il-Gvern taċ-Ċina ammetta li bużżieqa kbira – jew airship — li ntlemħet jiem ilu waqt li għaddejja minn fuq l-Amerika Latina kienet ‘tagħha’ u li din kienet intenzjonata għal skopijiet ċivili. Intant, l-awtoritajiet f’Beijing qalu li l-bużżieqa kienet ħarġet mir-rotta pjanata u li ċ-Ċina ma trid timponi l-ebda theddida għal pajjiż ieħor meta ‘dejjem irrispettat il-liġijiet internazzjnali’.

Dan wara li l-ajruplani militari tal-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, sparaw missila biex iniżżlu bużżieqa simili taċ-Ċina li kienet daħlet fl-ispazju tal-ajru tal-Amerikani. Dan fost allegazzjonijiet li l-bużżieqa kienet parti minn missjoni ta’ spjunaġġ fuq is-siti sensittivi tal-Istati Uniti – biċ-Ċina tiċħad dwar dan fost l-istqarrijiet li l-bużżieqa kienet qed tintuża għall-evalwazzjonijiet tat-temp.

Iżda waqt li t-twaqqigħ tal-bużżieqa wasslet għal tilwima diplomatika bejn Washington u Beijing, iċ-Ċina issa ammettiet għall-akkuża inizjali tal-militar Amerikan fis-sens li kien hemm ‘tieni bużżieqa’ għaddejja fuq l-Amerika Latina.

Beijing qed jgħid li l-airship kien daħal bi żball fl-ispazju tal-ajru tal-Amerika Latina u l-Karibew ‘wara li tbiegħed sew mir-rotta intenzjonata minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp’. Iċ-Ċina qed tinsisti wkoll li l-inġenju, li ma kellux ekwipaġġ, kien ‘ta’ natura ċivili’ minbarra li qed jintuża biss għall-flight tests.