Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija jwaħħal fl-inkjesta tal-Maġistrat

Kien is-Sibt 3 ta’ Diċembru meta f’Kordin iġġarfet binja li kienet qed tinbena bil-konsegwenza li tilef ħajtu Jean Paul Sofia – żagħżugħ ta’ 20 sena – bil-katavru taż-żagħżugħ jinstab 15-il siegħa wara li saret tfittxija intesiva.

Minn dik l-għodwa għaddew xahrejn u ħadd għadu ma ġie arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ– bil-familja ta’ Jean Paul Sofia għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja.

It-Tnejn waranofsinhar, Net News staqsa lill-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafa għaliex sa issa għadu ma tressaq ħadd b’rabta ma dan il-każ –  bil-kummissarju jispiċċa jfarfarha fuq l-inkjesta tal-Maġistrat.

Dan filwaqt li l-qraba għadhom qed jistaqsu domandi li s’issa għad ma kellhom ebda tweġiba għalhom … bħal fost l-oħrajn… min huwa responsabbli għal din it-traġedja?

Fid-domanda tiegħu, dan l-istazzjon għamel referenża għall-każ ta’ Miriam Pace .. meta lura fit-2 ta’ Marzu tas-sena 2020, ir-residenza tagħha krollat u l-vittma nqatlet taħt it-terrapien ta’ dahra stesss kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir biswit id-dar tagħha.

Iżda b’differenża għal każ ta’ Jean Paul Sofia …. f’dan il-każ is-suspettati li eventwalment instabu ħatja kienu ġew arrestati l-għada, fit-3 ta’ Marzu. Dan meta l-inkjesta kienet għadha għaddejja.

Għal xi raġuni li ħadd ma jaf … il-każ ta’ dan iż-żagħżugħ … għadu s’issa miftuħ beraħ … u sa issa għadu ħadd ma tressaq il-Qorti… bil-kummissarju jgħid li għadu qed jistenna.