Lokali

Il-PN bi proposta għal aktar trasparenza u kontabbiltà fil-ħatra tal-Bord tal-FIAU

Il-Ministru tal-Finanzi għandu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-persuni li jkunu ġew nominati biex iservu bħala membri tal-Bord tal-FIAU

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq emenda għall-Att kontra l-Money Laundering biex, permezz tagħha, ikun hemm aktar trasparenza u kontabbiltà fil-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (l-FIAU).

Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputati Nazzjonalista Karol Aquilina u Jerome Caruana Cilia.

Fil-preżent, il-Ministru tal-Finanzi jaħtar tlieta mill-membri tal-Bord billi jagħżel wieħed minn kull tliet listi separati ta’ persuni nominati u li jingħataw lilu mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, miċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (l-MFSA) u miċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob (l-MGA) rispettivament.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi bidla fl-Att kontra l-Money Laundering sabiex il-Ministru jkun obbligat li meta jaħtar il-membri tal-Bord tal-FIAU huwa jippreżenta fil-Parlament il-lista tal-persuni li jkunu ġew nominati lilu permezz ta’ tliet listi ppreżentati mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, miċ-Chairman tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (l-MFSA) u miċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob (l-MGA).

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-governanza tajba teżiġi li jkun hemm trasparenza sħiħa fil-ħatra ta’ persuni biex iservu f’istituzzjonijiet importanti bħall-FIAU li, bħala aġenzija tal-Gvern, hi fdata bil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-bidla fil-liġi li qed jissuġġerixxi l-Ministru fl-Abbozz ta’ Liġi li jinsab quddiem il-Parlament bħalissa u li bih qed jipproponi li l-għażla ta’ min jirrappreżenta lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni ma tibqax issir mill-Ministru, iżda tibda ssir mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni stess.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, b’mod ripetut u mingħajr l-ebda raġuni, irrifjuta li jgħid min huma l-persuni li ġew nominati biex iservu fuq il-Bord tal-FIAU kull darba li ġie mistoqsi biex jagħti din l-informazzjoni fil-Parlament.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li sa ftit tas-snin ilu, wieħed mill-persuni maħtura mill-Ministru Edward Scicluna bħala membru tal-Bord tal-FIAU kien l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta li, b’ordni tal-Qorti, spiċċa tneħħa mill-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia minħabba kunflitt ċar ta’ interess u li kellu jirriżenja mill-Korp tal-Pulizija wara li nstab li kellu ħbiberija kbira ma’ Yorgen Fenech, tant li nqabad f’filmat qed jiżżufjetta fir-Rolls Royce propjetà tal-istess Yorgen Fenech.