It-Tnejn filgħodu, it-tliet Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) ippreżentaw talba formali lill-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali biex jinvestiga u jirrapporta dwar negozjati u kuntratti li saru bejn il-Gvern u l-kumpanija Sadeen Education Investment Limited, fejn il-Gvern ta medda ta’ art ta’ aktar minn 30,000 metru kwadru għall-prezz ta’ €0.47 għal kull metru kwadru, b’ċens perpetwu li jista’ jinfeda u l-art tintilef mingħand il-pubbliku.
It-tliet membri li għamlu din it-talba formali huma d-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini.
Il-Gvern ta l-art lil Sadeen, li tiġi l-istess kumpanija Ġordaniża li falliet f’numru ta’ miri u kundizzjonijiet biex tkun tista’ twaqqaf f’pajjiżna l-Università Amerikana ta’ Malta.
Is-sena li għaddiet, il-Gvern ta’ Robert Abela ressaq dan il-kuntratt quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Uffiċju Nazzjonali għall-Verifika, fejn iż-żewġ Deputati tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-Kumitat ivvotaw kontra, filwaqt li d-Deputati tal-Labour ivvotaw favur.
Meta dan il-kuntratt ġie ppreżentat quddiem il-Parlament ta’ Malta, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu vvota kontra tal-konċessjoni, filwaqt li l-Labour baqa’ jinsisti u vvota favur li l-art tingħata lil Sadeen. B’hekk, fid-29 ta’ Settembru li għadda, il-Gvern iffirma l-kuntratt pubbliku u kkonċeda aktar minn 30,000 metru kwadru ta’ art b’ċens ta’ €0.47 għal kull metru kwadru, liema ċens jista’ jiġi mifdi.
Flimkien mat-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, ippreżentaw it-talba l-Kelliema għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg u l-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina.
//= $special ?>