Internazzjonali

It-Turkija: Eks-plejer ta’ Chelsea u Newcastle maqbud fit-terremot

L-eks plejer tal-Premier League Ingliż Christian Atsu jinsab fost numru mhux determinat ta’ nies li spiċċaw taħt it-terrapien tal-bini wara t-terremot qattiel tat-Tnejn filgħodu fit-Turkija

Dan meta għaddejja tfittxija intensiva għal Atsu — li kien fuq il-kotba ta’ Chelsea u Newcastle United – u li nqabad fl-eqqel tat-terremot flimkien ma’ eluf oħra ta’ Torok.

Christian Atsu, li hu wkoll plejer internazzjonali ta’ Ghana, kien ingħaqad mal-klabb Hataysport, tas-Super League Tork, matul is-sajf.

Intant, mifhum li numru ta’ plejers oħra ta’ Hataysport inħelsu minn sitwazzjoni ddisprata wara t-terremot, iżda għalissa għadha għaddejja t-tfittxija għal Atsu kif ukoll għad-direttur sportiv tal-klabb, Taner Savut.